Saturday, December 21, 2024

Kellhom jitħallsu €60,000 biex baħrin u kaptan inħarġu mil-Libja wara li l-bastiment kien konfiskat

….fosthom kien hemm baħri Malti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-saga ta’ grupp ta’ baħrin u kaptan li kienu spiċċaw maqbudin fil-Libja u dan wara li l-bastiment li kienu fuqu kien ġie interċettat mil-Libjani u ddaħħal il-Libja fuq allegazzjoni li kien qed jistenna tagħbija illegali ta’ dijżil, spiċċat intemmet fejn wara li dawn għaddew minn kalvarju sħiħ tħallset somma ta’ €60,000 biex inħelsu.

Filfatt wara żmien f’ħabsijiet diversi fosthom fi Tripli u aktar tard anke f’Żuwarah, l-ekwipaġġ wara sforzi qawwija minn Malta kienu inħarġu, irranġawlhom għall-passaporti u telqu lejn pajjiżhom, kollox għas-spejjeż tal-kumpanija li kienet is-sid oriġinali tal-vapur. Dan sar minkejja li s-sitwazzjoni tal-Libja kienet waħda diffiċli fejn hija maqsuma bi gvernijiet differenti u partijiet f’idejn milizji. Jikkonferma li dan joħloq problemi kbar speċjalment fl-aspett li ma tkunx taf lil min għandek tkellem.

Dan il-każ imur lura għas-sena 2015, fejn dakinhar Sovereign Fuels Limited kienet sid il-bastiment Sovereign M reġistrat taħt il-bandiera tat- Togo. Hi kienet ikkuntrattat lil Patron Group Limited, sid il-bastiment, għal kiri tal-bastiment Sovereign M permezz ta’ Time Charter Party Agreement. Il-ftehim kien pattwit bejn il-partijiet li l-bastiment Sovereign M jintuża biss għall-“offshore activities” senjtament il-ġarr ta “liquid cargo” bejn portijiet siguri fiċ-ċentru tal-Mediterran. 

Ġara li fl-24 ta’ Awwissu tas-sena 2015 in-noleġġatur unilaterament ta’ ordni lill-kaptan tal-bastiment Sovereign M u speċifikament il-kaptan tal-bastiment ingħata ordni sabiex jidħol u jistenna fl-erbgħin mil nawtiku il-barra mill-Libja.
Waqt li kien qiegħed jistenna ordnijiet ulterjuri mingħand in-noleġġatur ġie avviċinat minn patrol boat tal-Qawwiet Navali Taljani.

Il-kaptan tal-bastiment ikkomunika direttament mas-sidien tal-bastiment u informahom li jekk ma jirċeviex ordnijiet ulterjuri huwa kien dispost li jsalpa lura lejn Malta. Konsegwenza diretta ta’ dawn l-ordnijiet waqt li l-bastiment Sovereign M kien qiegħed madwar erbgħin mil nawtiku l-barra mill-Libja ġie interċettat mill-Forzi Navali Libjani u ddaħħal fil-port ta’ Tripoli, fuq allegazzjonijiet li dan il-bastiment kien qiegħed jistenna biex jgħabbi kunsinja ta’ ‘gas oil’ illegali. 

L-argument li sar fil-Qorti kien li dawn l-ordnijiet tan-noleġġatur lill-kaptan tal-bastiment Sovereign M biex jidħol fl-erbgħin mil nawtiku l-barra mill-Libja ngħataw bi ksur ta’ dak pattwit bejn il-partijiet billi l-‘area of operation’ ma kellhiex teċċedi it-80 mil nawtiku mill- Libja u ma tikkwalifikax bħala post sikur skont il-ftehim. Il-kumpanija fetħet il-proċeduri legali sabiex il-Qorti tiddikjara li inkisru l-obbligazzjonijiet minħabba nuqqas ta’ ħlas puntwali tal-kera pattwita jew kumpens għall-użu tal-bastiment u kkawżatilhom danni. Għalhekk huma talbu lil din il-Qorti tordna l-ħlas tal-kera pattwita u l-likwidazzjoni ta’ danni. 

Il-kumpanija spjegat li għamlet diversi tentattivi sabiex il-bastiment u l-ekwipaġġ tiegħu jiġu rilaxxati mill-Libja. Intqal li l-bastiment de quo ma ġiex ritornat wara tliet xhur hekk kif kien miftiehem permezz tat-Time Charter Party u konsegwentament il-kumpanija ġiet imċaħħda mill-użu tal-istess bastiment, li qed jikkawżalha danni. Tgħid li apparti t-telf li qed issofri minħabba li l-bastiment ma ġiex ritornat, hemm ukoll danni addizzjonali stante l-pagi tal-ekwipaġġ li għamlu żmien maqbudin fil-Libja. 

Fl-affidavit tiegħu, Michael Mizzi jgħid li huwa l-uniku direttur u azzjonista ta’ Sovereign Fuels Limited, reġistrata fil-Union of Comoros, liema kumpanija ġiet reġistrata fit-13 ta’ Novembru 2013 sabiex takkwista l- bastiment Sovereign M li ġie reġistrat fl-10 ta’ Jannar 2014 bil-prezz ta’ $270,000 mit-Turkija. Jispjega li fis-sena 2015, ċertu Paul Attard kien qallu biex jibda jikri l-bastiment de quo sabiex jiġi operat f’ibħra internazzjonali bejn Malta u l-Italja u dan għax kien hemm xi Taljan interessat jikri l-bastiment biex jittrasporta l-fjuwil bejn Malta u l-Italja. Isostni li hu kien għamilha ċara li l-bastiment ma kellux jidħol f’portijiet jew jersaq f’ibħra tan-naħa t’isfel tal-Mediterran u partikolarment il-Libja u dan għax dak iż-żmien kien sema’ b’numru ta’ bastimenti li nqabbdu ġewwa l-Libja. 

Jgħid li għalhekk daħlu fi ftehim ta’ kiri – time charter party – għall-prezz ta’ €2,400 kuljum għall-perjodu ta’ tliet xhur, wara liema perjodu l-bastiment kellu jiġi kkonsenjat lura. 

Wara li ffirmaw il-ftehim, ix-xhud kien mar mas-sid il-ġdid abbord il-bastiment fejn introduċih mal-ekwipaġġ u l-kaptan tal-istess. Jgħid li lill-Kaptan kien spjegalu li l-bastiment ġie mikri u l-istruzzjonijiet ta’ tbaħħir kellu jibda jirċevihom mingħand is-sid il-ġdid. Isostni li fl-24 ta’ Awwissu 2015, ibnu, Silvio Mizzi, kien irċieva email mingħand il-Kaptan li s-sid il-ġdid kien tah struzzjonijiet li jsalpa f’żona li tinsab madwar erbgħin mil nawtiku ‘l barra mill-kosta tal-Libja u indika li jekk mhux ser jingħata ordnijiet ulterjuri ser jirritorna lejn Malta. Jgħid li hu kien prova jikkomunika mas-sid il-ġdid u ma rnexxilux, iżda ibnu kien kellmu u kien qallu sabiex iħallu f’idu għax ma kien qed jagħmel xejn ħażin jew illegali. Jispjega li Silvio kien qallu sabiex jordna lill-Kaptan jitlaq minnufih peress li dan kien kontra l-ftehim tagħhom. Jgħid li dakinhar stess il-bastiment ġie interċettat mill-Forzi Navali Libjani u ddaħħal fil-port ta’ Tripoli taħt skorta u ntilfet kull kommunikazzjoni mal-Kaptan u l-ekwipaġġ. Jgħid li xi ġranet wara saru jafu li l-bastiment kien inżamm il-Libja fuq allegazzjonijiet li l-bastiment kien qiegħed jistenna sabiex jgħabbi kunsinna ta’ ‘gas oil’ bi ksur tal-liġijiet doganali Libjani. 

Jispjega li għalkemm kien irrabjat għal Attard (is-sid il-ġdid) hu kien assigurah li għandu kuntatti sabiex joħroġ kemm lill-ekwipaġġ u kemm lill-bastiment minn ġewwa l-Libja u li kellu anke l-finanzi biex jagħmel dan. Jgħid li kien iċempillu kuljum u kemm-il darba lanqas biss kien iwieġbu. Jispjega li l-informazzjoni li kien jagħtih kienet li hemm triq li trid tinfetaħ bejn Tripoli u Zuwarah u la darba tinfetaħ il-kuntatt tiegħu jkun jista’ jmur Tripoli u l-ekwipaġġ jiġi trasferit f’ħabs f’Zuwarah. Jgħid li kien jinfurmah ukoll li kien qabbad avukat ġewwa l-Libja. 

Jispjega li Attard kien dejjem jgħidlu li waslu sabiex joħorġu. Jgħid li fil- frattemp hu baqa’ jħallas il-pagi tal-ekwipaġġ għax dawn kellhom il-familji, liema somma ammontat għal €42,000. 

Jgħid li f’dak iż-żmien kien f’kuntatt ukoll ma’ Paul Falzon li huwa rappreżentant ta’ The International Transport Workers’ Federation li kien ta’ appoġġ kbir. Sadanittant, jgħid li kien f’kuntatt mal-ekwipaġġ li kienu jinsabu f’sitwazzjoni ħażina ħafna. Jgħid li meta għaddew sitt xhur u Paul Attard baqa’ dejjem itawwal, kien tkellem ma’ Paul Falzon li kien qabbadlu avukat fil-Libja li ħallas għalih hu personalment. 

Isostni li kien baqa’ f’kuntatt ma’ Paul Falzon u kien ħallas aktar flus sabiex jinħarġu l-ekwipaġġ iżda dan baqa’ ma seħħx. Jgħid li l-Kaptan kien ikkomunika miegħu u talbu jħallas avukat ieħor li kien wiegħed li ħa joħroġhom iżda dan ukoll ma żammx kellmtu minkejja li ħallsu. Jgħid iżda li kienu ġew trasferiti f’ħabs f’Zaiwah. 

Jispjega li kien intwera dokument fejn l-ekwipaġġ kien indika li l-ordni sabiex isalpaw f’dik iż-żona kienet ġiet mingħand ix-xhud, liema dokument l-ekwipaġġ qalu li qatt ma raw. Jgħid li mbagħad kien qabbad lill-avukat tiegħu jmur Tunis u jipprova jsib soluzzjoni iżda kulħadd kien jitlob il-flus minn qabel u ma riedx iħallas aktar minn qabel. 

Fix-xhieda tiegħu, Michael Savona in rappreżentanza ta’ Transport Malta jgħid li jokkupa l-kariga ta’ Assistent Reġistratur fi ħdan il-bastimenti merkantili. 

Fir-rigward tal-bastiment Sea Partion jgħid li l-imsemmi bastiment għandu arretrati fir-rigward ta’ tonnage fees li jammontaw għal €3,955. Jgħid li hu reġistrat sas-sena 2016 taħt Patron Limited. Jispjega li l-bastiment għandu żewġ mandati ta’ arrest waħda li ġiet reġistrata fl-20 ta’ Lulju 2016 u oħra fis-16 ta’ Novembru 2016 – li t-tnejn saru meta s-sid tal-bastiment kienet Patron Group Limited. 

Jikkonferma li l-bastiment għadu reġistrat taħt il-bandiera Maltija. In sostenn tax-xhieda tiegħu, x-xhud ippreżenta Transcript of Register tal- bastiment li l-Qorti ħadet konjizzjoni tagħha. 

Fix-xhieda tiegħu, Dr Robert Vassallo in rappreżentanza ta’ Transport Malta jgħid li jokkupa l-kariga ta’ Senior Manager Legal EU and National Affairs fi ħdan id-direttorat tal-portijiet u l-yachting. 

Fir-rigward tal-bastiment Sea Patron jgħid li sid il-bastiment huwa l-Patron Group huwa debitur tal-awtorità fis-somma ta’ €16,389.86 li jikkonsistu f’portage u security services fil-perjodu bejn it-30 ta’ Diċembru 2015 u l-20 ta’ Marzu 2018. 

Fix-xhieda tiegħu, Paul Falzon jgħid li hu r-rappreżentant Malti nominat mill-General Workers’ Union għal international transport workers (ITF) u jifformaw parti mill-Ispettorat tal-ITF billi jissolveljaw fejn jidħlu drittijiet tal-baħħara. 

Jgħid li fir-rigward tal-bastiment Sovereign M kien beda l-involviment tiegħu minn Settembru/Ottubru tas-sena 2015 ‘l quddiem. Mistoqsi jekk kellux kuntatt mal-ekwipaġġ jgħid li għal żmien twil kellu kuntatt regolari mal- ekwipaġġ li fosthom kien hemm wieħed Malti. Jispjega li l-ekwipaġġ u partikolarment il-kaptan spjegaw li huma l-ordnijiet amministrattivi kienu jeħduhom mingħand Michael Mizzi, mentri ordnijiet operattivi kienu jeħduhom mingħand min kien mikri l-vapur. Jispjega li kienu jitkellmu miegħu ta’ sikwit u jgħaddulu numru ta’ nies differenti u min-naħa tagħhom dawn in-nies kollha jkunu jridu jitħallsu minn qabel. Jgħid li kienu għaddewlu numru ta’ Libjan li jgħix f’Malta u hu flimkien ma’ Michael Mizzi kienu ltaqgħu miegħu u kien talab is-somma ta’ €10,000 biex jinħeles l-ekwipaġġ u dik ta’ €15,000 biex jinħeles il-bastiment. 

Mistoqsi jekk kienx għadu f’kuntatt mal-ekwipaġġ jgħid li fis-27 ta’ Novembru 2017 ġew trasferiti mill-ħabs ta’ Surman għal Mitiga u saret telefonata waħda minn wieħed minnhom lil martu biex jgħidilha li hu kien tajjeb. Mistoqsi dwar il-proċeduri legali fil-konfront tagħhom, jgħid li dawn kienu pendenti u kien diġà progress kbir li dawn inġiebu quddiem il-Qorti. 

Jikkonferma li sakemm baqa’ attiv il-kuntratt, il-familji tal-ekwipaġġ baqgħu jitħallsu l-pagi. 

In kontro-eżami jikkonferma li s-sitwazzjoni tal-Libja kienet waħda diffiċli fejn hija maqsuma bi gvernijiet differenti u partijiet f’idejn milizji. Jikkonferma li dan joħloq problemi kbar speċjalment fl-aspett li ma tkunx taf lil min għandek tkellem. Jikkonferma li dakinhar li nqabad il-vapur ma kellux merkanzija fuqu u jikkonferma li dakinhar li nqabad ma kienx fit-territorju Libjan, jispjega li kienu tmintax-il mil u nofs ‘l barra mill-kosta. 

Fix-xhieda tiegħu, Peter Sullivan jgħid li huwa shipping agent li xi drabi kien l-aġent tal-bastiment Sovereign M. Jispjega li l-involviment tiegħu kien ikun li jieħu ħsieb id-dokumenti tal-awtoritajiet biex il-vapur ikun jista’ jidħol fit- territorju Malti, kif ukoll reġistrazzjoni ta’ tibdil fl-ekwipaġġ. 

Jgħid li ġie nfurmat li l-bastiment kien ġie sekwestrat mill-awtoritajiet Libjani u s-Sur Mizzi kien talbu jekk jafx lil xi ħadd li jista’ jkun t’għajnuna u kien qabbdu ma’ aġent tiegħu fil-Libja, ċertu Sejl Agrebi. Jgħid li kien fil-fatt laqqgħu ma’ dan il-persuna u kien anke preżenti għall-laqgħat fejn ftehmu x’ried isir biex jinħeles l-ekwipaġġ legalment. Jispjega li wara ċertu żmien kien irnexxielu joħroġhom mill-ħabs u rranġaw għall-passaporti u telqu lejn pajjiżhom, kollox għas-spejjeż tas-Sur Mizzi. Jispjega li kien hemm ħlas €60,000 iżda qabel kienu tħallsu aktar flus. 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li “hu ċar f’moħħ din il-Qorti li l-ordni li l-bastiment jankra propja fid-distanza ta’ erbgħin mil nawtiku mill-kosta Libjana kienet propja ta’ Paul Attard, fatt li jemerġi mhux biss mix-xhieda ta’ Michael u Silvio Mizzi iżda wkoll mix- xhieda ta’ Paul Falzon li kellu komunikazzjoni regolari mal-Kaptan u l-ekwipaġġ tal-vapur meta dawn sfaw maqbuda fil-Libja għal tliet snin. Hawnhekk irid jingħad li l-aħjar prova fiċ-ċirkostanzi kienet tkun dik tal-Kaptan innifsu, iżda fiċ-ċirkostanzi l-Qorti tifhem li din kienet diffiċli immens li tingħata u għalhekk l-aħjar prova hija propju ta’ Paul Falzon, bħala bniedem oġġettiv fis-sitwazzjoni. 

Il-Qorti iddikjarat li l-azzjonijiet ta’ Patron Group Limited huma propja x’wasslu għall-konfiska tal-bastiment de quo u dana billi naqset milli żżomm mal-obbligi kontrattwali tagħha li żżomm il-bastiment f’post sikur u konsegwentament hija responsabbli għad-danni kollha sofferti. Iddikjarat li l-bastiment hu debitur fis-somma ta’ €100,000 bilanċjali ta’ kera għal perjodu ta’ tliet xhur. Il-Qorti llikwidat danni ta’ kważi €100,000.

Ekonomija

Sport