“Il-Gwerra mal-Iran neħħiet l-attenzjoni minn fuq l-Epstein Files fl-Amerika, kif kienet l-intenzjoni. Imma, f’dawn il-ġranet mill-Qorti tagħna, kellna l-verżjoni ta’ Epstein tan-Nadur. Mhux qiegħda nitkellem fuq il-Karnival għalkemm ma nagħtikomx tort jekk tikkonkludu li l-istorja – li kieku mhux traġedja – tixbaħ ħafna karnival. Każ spiċċa b’erba’ rġiel minn Nadur ikunu meħlusa minn akkużi relatati ma’ stupru ta’ minuri. Każ li minflok sploda fi skandlu, indifen fil-proċess”.
Saħqet dan l-eks Kummissarju Ewropew, Helen Dalli, hekk kif esprimiet tħassib dwar sentenza ta’ allegat stupru fuq minuri f’Għawdex li ngħatat fil-Qorti tal-Appell Kriminali. Fis-sentenza, l-agressuri ħarġu lliberati.
Dalli tat dettalji dwar l-allegazzjonijiet serji f’dan il-każ li jmorru lura għall-2007. Elaborat kif “il-każ ħa kważi 20 sena biex jasal għall-verdett. Skont ix-xhieda tal-vittma, l-ewwel abbuż sesswali fuqha sar waqt il-Festa tal-Imnarja fl-2007 meta hija kellha 13-il sena. Il-ġenituri ffirmaw kwerela kriminali formali iżda, l-għada stess ġew avviċinati minn qassis qarib tal-imputati u minn ħuhom”.
“Flus biex jinxtara s-skiet”
Dalli hawn spjegat kif il-ġenituri qalu li kienu taħt pressjoni kbira u li ġew offruti €7,000 biex jitilqu l-każ, kif ukoll il-ħlas għal psikologu privat u vaganza għat-tifla. “Il-ġenituri ffirmaw l-irtirar tal-kwerela. Minkejja dan l-Ispettur kompliet bl-investigazzjoni ex officio. L-omm reġgħet marret għand il-pulizija tibki u qalet li ħasset li ‘biegħet il-ġisem ta’ bintha’. Il-missier eventwalment ressaq is-€7,000 fil-Qorti,” kompliet Dalli.
Fid-dettalji li tat din l-eks Kummissaru Ewropew, snin wara, waqt li l-każ kien għadu għaddej, il-vittma li sa dak iż-żmien saret adulta, flimkien mal-ġenituri tagħha ffirmaw rinunzja oħra, wara li l-imputati ħallsu, hekk imsejjaħ kumpens ta’ €120,000.
“Jien,” insistiet Dalli, “insejjaħlu b’isem ieħor: flus biex jinxtara s-skiet. F’każijiet ta’ abbuż, il-flus jgħinu biex l-affarijiet jinħbew u jintemm il-proċess. Il-qorti qalet li l-flus imħallsa bħala ‘settlement’ jistgħu jaffetwaw il-proċess tal-ġustizzja u jħallu kwistjonijiet bla riżoluzzjoni.”
Min-naħa tagħha Dalli temmen li hekk jitrażżnu ħafna skandli: mhux b’konfoffa kbira, imma bi flus, pressjoni u żmien: allegazzjonijiet; flus; skiet; is-snin jgħaddu u l-każ jaqa’.
“L-iskandlu ta’ Epstein kien jinvolvi biljunarji, politiċi, avukati primi, gżejjer u ajruplani privati. Fil-gżira Għawdxija, f’raħal żgħir, pressjoni minn qassis u mill-familja tal-agressuri u ċekk kienu biżżejjed. F’pajjiż ċkejken fejn kulħadd jaf lil kulħadd il-vittmi jibżgħu mill-istigma, il-familji jħossu l-pressjoni u r-reputazzjonijiet iridu jiġu protetti. Allura, l-abbużi ma jkunux esposti u jisplodu, imma jgħibu bil-kwiet”.
Dalli ppreċiżat kif il-Qorti ammettiet li l-proċeduri estiżi u l-kwiet fuq allegazzjonijiet sensittivi jikkawżaw sfidi serji għall-ġustizzja u l-verità. “Dan iqajjem il-mistoqsija: kemm każijiet qatt ma jaslu l-Qorti? Forsi Malta u Għawdex ma jkollhomx xi skandlu bħal ta’ Epstein, imma jekk nippretendu li l-istess dinamika ta’ poter, flus, pressjoni soċjali u skiet ma jtellfux il-proċess tal-ġustizzja, allura qegħdin nagħlqu għajnejna u naġevolaw lil min jabbuża u juza d-dominanza, il-flus u l-poter, minflok nipproteġu l-vittmi. Meta l-flus (ġejjin minn fejn ġejjin u sejrin għand min sejrin), il-poter u s-silenzju jiġu qabel il-verità, tinqatel il-ġustizzja,” temmet tisħaq Helena Dalli.
Dettalji tal-każ fil-Qorti… Tliet reliġjużi taħt ġurament
L-allegazzjonijiet f’dan il-każ li jinsab fuq fomm ħafna kienu serji – stupru, korruzzjoni ta’ minuri u sekwestru llegali ta’ minorenni li kellha 14-il sena meta fl-2008 saru r-rapporti lill-Pulizija. F’dan il-każ ġie allegat li l-abbuż beda meta t-tifla kellha biss 13-il sena.
Fil-qorti ħarġu ħafna dettalji tal-każ, każ li kien ilu għaddej għal xejn inqas minn 18-il sena. Fil-fatt is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell kienet twila 159 paġna. L-allegat abbuż beda bejn is-sena 2007 u l-2008 u dan sar f’diversi allegati postijiet inkluż f’karozza, f’post li kien għadu jinbena, f’sit ta’ lukanda, ħdejn xi appartamenti, f’garaxxijiet vojta mingħajr bibien u bitħa fejn kienu jinżammu trakkijiet.
Xhieda partikolari li ħarġet f’dan il-każ ta’ allegat stupru ta’ minuri kienet minn tliet reliġjużi – l-Arċipriet Dun Salv Muscat, Dun Michael Said u Dun Manuel Cordina.
Intervent mal-familja tal-minuri
Mid-dettali li ħarġu fil-Qorti omm il-minuri spjegat li, “kien jum it-Tnejn, wara li t-tifla kienet giet mitkellma mill-Pulizija u hija ltaqgħet ma’ Dun Said”. Dan tal-aħħar staqsiha x’riedet għat-tifla u din weġbitu li tiġi kkurata minn psikologista u n-nies li għamlulha l-ħsara, issir ġustizzja magħhom. Meta marret id-dar mar iħabbtilha l-Arcipriet Dun Salv Muscat u staqsiehom kellhomx bżonn xi għajnuna u dan peress li kien sema’ b’dak li kien seħħ mingħand ħu tnejn mill-akkużati.
L-omm fil-Qorti qalet kif kien hemm insistenza biex iwaqqfu l-proċess li kien beda mal-Pulizija. Ir-raġel tagħha ma riedx jagħmel dan iżda kompliet kif “baqa’ jinsisti u jgħidilna li qiegħed isir il-ħin” u li kien issuġġerielhom biex iqabbdu avukat. Irrakkontat li l-avukat beda jagħmel kuntratt u ħareġ il-flus fejn l-avukat kien qallu biex jagħmlu ammont t’erbat elef (4,000). X’ħin lesta l-kuntratt l-avukat, żewġha, hija iffirmawh.
Omm it-tifla fil-Qorti spjegat li ma tafx jekk preżenti kienx hemm ukoll iz-ziju tat-tifla. Żiedet li l-flus kienu ġew mgħoddija u li kienet lesta tesebihom fis-seduta ta’ wara.
“Pressjoni minn terzi fosthom qassis”
Din l-omm kompliet li jiem wara kellmitha l-Ispettur Graziella Muscat u niżlu Malta u għamlu ġurnata d-depot. Hija dakinhar kienet aġitata ħafna, tant li meta rritornaw id-dar tagħha qalet li ħassa ħażin u kellhom joħduha l-isptar b’ambulanza fejn ġiet rilaxxata l-għada. Dakinhar qalet kienu marru żewġ avukati għandha fejn wieħed qalilhom li kien qiegħed jirrapreżenta lil Debono u ieħor lil Said. L-avukat tagħha – Dr Manuel Mallia – ma setgħax jattendi dakinhar u wara xi ħin dawn l-avukati telqu.
Fil-Qorti hija spjegat li huma kienu ġew mgħoddija l-flus biex jirtiraw kollox u biex il-proċess kontrihom jitwaqqaf. Iżda “minkejja t-torturi kollha” hija kienet qalet li tixtieq li l-każ jibqa’ miexi ‘l quddiem. Żewġha, li jiġi missier it-tifla, fil-Qorti fil-fatt ikkonferma li kellu pressjoni minn terzi, fosthom qassis u familjari tal-imputati, biex il-każ jieqaf.
Parir minn qassis: “Ippruvaw tkabbrux l-affarijiet”
Dun Michael Said min-naħa tiegħu fil-Qorti qal li kien jaf lill-familja tal-allegata vittma u anke daħal għandhom f’okkażjonijiet qabel dan il-każ. Fuq dan il-każ, huwa qal li din il-familja kienu kellmuh iktar minn darba u fl-aħħar okkażjoni li mar għandhom dwar dan il-każ, kien hemm diversi nies fosthom familjari tal-familja ta’ Reuben Said u ommu.
Huwa qal li jaf li Reuben Said jiġi ħu tnejn mill-imputati. Dun Said fil-Qorti qal li, “Reuben Said u ommu kienu preżenti hemmhekk dakinhar għax ippruvaw jirranġaw l-affarijiet bil-kelma t-tajba. Kien hemm ittra li tirrifletti l-arranġament milħuq bejniethom. Kienu fthiemu li Dun Manuel Cordina kellu jieħu ħsieb it-tifla minħabba l-istat mentali tagħha. Il-familja ta’ Reuben Said kellhom iħallsu ammont ta’ flus bħala donazzjoni għal din it-tifla”. Iżda saħaq li huwa, l-ammont, ma kienx jafu.
Fil-Qorti insista li ħeġġighom biex ifittxu l-għajnuna ta’ professjonisti billi “dan kien każ serju” u tagħhom parir biex jippruvaw ma jkabbrux l-affarijiet. Tenna li wara dakinhar huwa ma kienx reġa’ mar għand il-familja tat-tifla.
Imbagħad, fil-kontro-ezami, Dun Michael Said qal li qabel sar dan il-ftehim, huwa kien ilu diġà madwar xahrejn involut f’din il-kwistjoni tal-familja tal-allegata vittma minuri.
Dun Salv Muscat xehed ukoll fejn qal li kien kellem lill-familji Said u Azzopardi dwar dan il-każ. Qal li huwa kien issugerixxa lill-familja tat-tifla biex ikellmu lill-Aġenzija Appoġġ iżda dawn infurmawh li dan ma setgħux jagħmluh għax il-kaz kien diġà f’idejn il-Pulizija. Xehed li ebda qassis ma kien avviċinah biex jinvolvi ruħu f’din l-istorja.
Ma ħassx li l-każ kien ta’ idejh…
Qassis ieħor, din id-darba Dun Manuel Cordina, xehed li kien nhar il-15 ta’ Settembru, 2008 meta kien imsejjaħ minn kollega tiegħu biex jassistu familja. Fil-Qorti spjega li għall-ewwel irrifjuta li jassisti għax ma ħassx li l-każ kien ta’ jdejh iżda Dun Said kien qallu li kien hemm il-bżonn li l-ġenituri jkellmu lil xi ħadd.
Huwa kien mar id-dar tagħhom u dawn spjegalu li kellhom xi pressjoni biex dan il-każ jieqaf, sar kuntratt u ġew mgħoddija xi flus biex dawn ma jipproċedux. Sostna li huwa kien qalilhom li jekk kien taħt pressjoni biex jiffirmaw, jekk riedu jbiddlu l-opinjoni tagħhom kienu għadhom fil-ħin.
Fil-Qorti Dun Cordina qal li kien kellem lit-tifla waħedha u sussegwentament baqa’ jmur kwazi kuljum biex jagħti sapport lill-familja. Elabora kif lil minuri kien jassistiha anke fl-istudju. Dan il-qassis sostna li kien sar jaf dwar l-abbuż mill-ġenituri u t-tifla kienet qaltlu li kienu jagħmlulha xi affarijiet u li kienet beżgħana.
Min-naħa tiegħuqal li lit-tifla ma kienx staqsiha min kienu dawn in-nies li kienu għamlulha xi ħaġa. Spjega li t-tifla kienet imqallba u beżgħana. Irribatta li l-involviment tiegħu kien li jagħti appoġġ lill-familja, lill-koppja u lit-tifla.
Il-ġustizzja ssir waħidha?
“Kull deċiżjoni kellha ssir minnhom u fuq il-kuxjenza tagħhom”. Dan kien kliem li Dun Cordina qal fil-Qorti dwar dan il-każ ta’ allegat stupru ta’ minuri fejn insista li huwa kien jagħtihom l-appoġġ u “l-ġustizzja ssir waħidha”. Mistoqsi mill-istess Qorti kemm il-darba kien kellem it-tifla, huwa wieġeb li fuq il-każ darbtejn. Żied li huwa kien sar jaf min kienu l-imputati mill-midja u mhux għax qalulu l-familja jew il-minuri.
Dwar Fr Michael Said, fil-Qorti Dun Cordina qal li huwa kien qallu li ‘mhiex prudenza li hu jibqa’ fil-każ meta kellu parentela ma’ xi ħadd ieħor involut fil-każ’. Dun Cordina qal li kien qallu li ma jidħolx fil-każ jekk jibqa’ involut huwa. Ikkonferma li Fr Said kien qallu li kellu xi ħadd mill-familja tiegħu involut fil-każ, iżda mat-tifla huwa qatt ma daħal fuq dawn id-dettalji.
Fix-xhieda Dun Cordina temm li darba jaf li kienet ċemplitlu l-omm tgħarrfu li kien hemm xi żewġ avukati d-dar tagħha, li kienu l-avukati tan-naħa l-oħra. Huwa dak il-ħin ma setax imur u qalilha biex ma titkellem xejn jekk ma jkollhiex il-parir tal-avukat tagħha.
Il-Qorti tal-Appell tat il-verdett finali tagħha ġimgħa ilu fejn temmet il-proċeduri kontra l-erbat irġiel billi lliberathom mill-akkużi kollha miġjuba kontrihom. Dan għax, l-istess Qorti ddeċidiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tippprova l-akkużi lil hinn minn dubju raġonevoli.

