Monday, September 1, 2025

‘Kellna sfida qawwija ħafna peró rnexxielna nerġgħu nsiru Champions ta’ Malta … ħaġa li għamilna erba’ darbiet f’dawn l-aħħar sitt snin’ – Silvio Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Silvio, ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tat-Treble permezz tar-rebħ tal-Kampjonat tax-Xitwa, il-Kampjonat tas-Sajf u n-Knock-Out min San Ġiljan ASC?

Bħala San Ġiljan ASC konna ġejjin minn sena difficli fejn fallejna l-objettivi tagħna fis-sajf li għadda u tlifna wkoll l-Enemed Cup fil-bidu ta’ dan l-istaġun. Kellna diversi problemi li ħdimna ħafna fuqhom fix-xitwa u kien importanti ħafna li rbaħna l-Kampjonat tax-Xitwa. Din it-Tazza tat lura lit-tim il-fiduċja li kien tilef u stajna naffrontaw il-Kampjonat tas-Sajf b’kowċ ġdid u b’ħafna kunfidenza. L-isfida li tawna Neptunes u Sliema kienet qawwija ħafna peró rnexxielna nerġgħu nsiru Champions ta’ Malta … ħaġa li għamilna erba’ darbiet f’dawn l-aħħar sitt snin.

X’tikkummenta fuq il-fatt li din is-sena kellkom tliet kowċis differenti?

Meta tibdel tliet kowċis fl-istess staġun mhuwiex sigriet li l-problemi u d-diffikultajiet kienu hemm. Dawn huma affarijiet li jiġru fl-isport bħalma jiġru fil-ħajja. Jien għandi rispett kbir lejn iż-żewġ kowċis li m’għadhomx magħna għax rebħu ħafna unuri ma’ San Ġiljan ASC fil-passat. Issa għandna kowċ Grieg li għadu żgħir u li għandu ħafna enerġij u motivazzjoni biex ikompli jirbaħ iktar unuri għall-klabb ta’ San Ġiljan.

X’sehem kellu l-Awstraljan Aaron Younger f’dawn is-suċċessi, liema plejer issa se jkun qed jirtira mill-waterpolo?

L-ikbar kumpliment li nista’ nagħmel lil Aaron Younger għax wara kollox hija l-veritá, hi li huwa talent kbir tal-waterpolo mondjali għal dawn l-aħħar 15-il sena peró huwa qabel kollox raġel ikbar milli hu plejer. San Ġiljan ASC kellna x-xorti li Younger jilgħab mal-klabb tagħna għal tliet snin fejn irbaħna ħafna unuri flimkien miegħu. Nispera li plejers kollha tagħna ma jinsew qatt l-eżempju ta’ raġel u ta’ plejer professjonist li kien Aaron Younger.

Huwa fatt magħruf li xi plejers importanti ta’ San Giljan m’għadhomx żgħar fl-etá. X’se jkun il-futur tagħhom?

Għandna ħafna plejers li għadhom żgħar u oħrajn li qegħdin fil-’peak’ tal-karriera tagħhom. Probabbli qed tirreferi għal Matthew Zammit ‘ix-Xellugi’ li wasal fl-aħħar fażi tal-karriera tiegħu peressli issa għandu 38 sena. Il-fatt li r-regoli tal-waterpolo inbidlu u issa nilagħbu f’pitch li huwa iqsar, din se ttawwal il-karriera ta’ Matthew. Dan il-plejer huwa l-ikbar talent li ħareġ mill-klabb ta’ San Ġiljan minn mindu beda jeżisti l-klabb. Żgur li se tkun telfa kbira ħafna għal San Ġiljan meta Matthew jiġi biex jirtira peró għadu mhux il-mument li naħsbu fuq din il-ħaġa. Matthew għad għandu motivazzjoni kbira biex ikompli jgħinna nirbħu iktar unuri għal San Ġiljan.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala team manager ta’ San Giljan ASC.

Ix-xogħol li nagħmel jien hu diffiċli ħafna u ma tantx ikun jidher minn barra. L-esperjenza hija xorta waħda sabiħa ħafna u l-plejers qishom it-tfal tiegħi. Nagħmel ħafna xogħol mal-kowċ ukoll peressli l-kowċ għandu l-iktar biċċa xogħol diffiċli minn kulħadd fil-klabb. Ili sitt snin nagħmel dan ix-xogħol u kburi li kont parti mis-suċċessi kollha li ġibna lejn San Ġiljan. Li tirbaħ erba’ kampjonati u ħames knock-outs f’sitt snin hija xi ħaġa kbira ħafna għal San Ġiljan, klabb li storikament huwa iżgħar minn klabbs bħal Sliema u Neptunes.

X’tikkummenta fuq il-fatt li din is-sena rbaħtu wkoll il-Kampjonat ta’ taħt is-16-il sena?

Il-kampjonat li rbaħna fl-U16 huwa l-iktar wieħed speċjali mit-Tazzi kollha li rbaħna din is-sena. Aħna ma tantx nirbħu Tazzi fil-kategoriji taż-żgħar għax diffiċli tikkompeti ma’ min għandu riżorsi ħafna aħjar minn tiegħek. Allura din it-Tazza li rebħu t-tfal tagħna din is-sena hija speċjali ħafna f’qalbna għax xi wħud minn dawn it-tfal huma l-futur tal-klabb tagħna. Kien ukoll premju mistħoqq għal Brian Schembri li jagħmel tant xogħol għan-nursery tal-klabb.

X’tikkummenta dwar il-Pixxina ta’ San Ġiljan issa li ħareġ il-permess mill-ERA?

Jien Ġiljaniż minn twelidi u ili nistenna l-pixxina ġewwa San Ġiljan għal ħafna ħafna snin. Issa milli jidher imxejna pass ‘il quddiem b’dan il-permess li ħareġ. Dan il-kumitat u l-aktar il-president Peter Bonavia qed jagħmlu xogħol enormi biex forsi il-ħolma tal-Ġiljaniżi kollha fl-aħħar issir realtá u jkollna l-faċilitajiet tagħna kif għandhom klabbs oħra.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?

Meta tara r-riżultati li qed inġibu bit-timijiet nazzjonali li jien kburi li nagħmel parti minn dan ix-xogħol ukoll, meta tara r-riżultat li ġabu Sliema s-sena l-oħra fiċ-Challengers Cup, meta tara l-Pixxina Nazzjonali mifqugħa bin-nies il-ġimgħa l-oħra li ġew jaraw waterpolo ta’ livell tajjeb u plejers ta’ fama mondjali bħal Aaron Younger u Gergo Zalanki, meta tara li ġibna l-Final Four hawn Malta għal tliet snin infila … dawn huma ftit mill-affarijiet fost ħafna oħrajn li qed jgħollu l-livell tal-waterpolo Malti minn kull aspett. Il-president tal-ASA Karl Izzo u ħafna nies oħra qed jagħmlu minn kollox biex il-waterpolo Malti jkompli miexi ‘l quddiem.

Tħoss li hawn biżżejjed kuxjenza rigward il-waterpolo f’Malta u Għawdex?

L-affarijiet li għadni kif semmejt żgur li qed jgħinu biex il-waterpolo ikompli jikber fl-importanza tiegħu. Il-politiċi u l-media qed ikunu iktar viċin tal-isport li tant inħobbu u li qed jagħtina ħafna riżultati sbieħ anke barra min Malta. Riċentement infetħet il-Pixxina l-ġdida ġewwa Għawdex li m’għandix dubju li se tkun ta’ għajnuna kbira għall-klabb ta’ Otters u se tressaq aktar żgħażagħ Għawdxin lejn il-waterpolo. Il-futur jidher sabiħ.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-waterpolo?

Il-futur ħadd ma jafu. Li hu żgur hu li wara assenza ta’ għaxar snin mill-waterpolo fejn kont għażilt li nagħmel affarijiet oħra wara li rtirajt minn plejer, illum il-ġurnata ma nimmaġinanix ma nkunx involut b’xi mod jew ieħor fil-waterpolo. Nixtieq nagħmel il-parti tiegħi biex dan l-isport ikompli jikber f’Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Is-suċċess fi sport bħall-waterpolo jiġi bit-talent imma fuq kollox jiġi bit-taħriġ u bis-sagrifiċċju. Li tipprattika sport f’ħajtek huwa ta’ ġid għall-moħħ kif ukoll għall-ġisem u nispera li nsaħħu kulturá f’Malta fejn il-ġenituri jinkoraġġixxu lit-tfal tagħom biex jipprattikaw xi tip ta’ sport. Fil-waterpolo għandna bżonn ħafna iktar subien u anke bniet biex jibdew jipprattikaw dan l-isport tant sabiħ u tant popolari f’Malta. Irridu naħdmu kollha flimkien lejn din id-direzzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport