Friday, September 5, 2025

Kelma bejn tnejn, ser tibqa’ bejn tnejn?

Aqra wkoll

Żgħażagħ Laburisti (ŻL) jemmnu bis-sħiħ fil-kunċett ta’ proporzjonalità bejn id-drittjiet fundamentali taċ-ċittadini u drittijiet tas-soċjetà b’mod ġenerali. Nemmnu illi dan il-prinċipju mhux qiegħed jiġi rifless fid-dibattitu li bħalissa qiegħed jiddomina d-diskussjoni Ewropea, bil-kunċett ta’ ‘end-to-end encryption’ jinsab taħt theddida. Dibattitu li iżda s’issa ma wassal għall-ebda proposta uffiċjali.

Jekk tali proposta titressaq ‘l quddiem, din tista twassal biex jiġi impattat id-dritt fundamentali ta’ kull individwu: id-dritt ta’ privatezza. Dan immedjatament jiskatta d-diskussjoni  dwar l-element ta’ proporzjonalità bejn l-għan u l-mezzi msemmija. Bla dubju l-għan huwa wieħed leġittimu – il-protezzjoni tal-minorreni – li bla dubju dawn għandhom jiġu protetti bis-sħiħ. Biss però, il-mezzi suġġeriti jmorru lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex l-għan aħħari jintlaħaq. 

Min-naħa l-oħra, nemmnu fis-sħiħ li d-diskussjoni fil-Parlament Ewropew dwar ir-regolazzjoni biex jiġu protetti l-minuri u li ma tinkludi l-ebda elementi ta’ chat control hija f’waqta u bżonnjuża sabiex tiħrax il-ġlieda fil-konfront tal-abbuż ta’ minuri u nemmnu li diskussjonijiet simili għandhom jiġu skattati.

Fil-preżent minkejja li ċerti pjattaformi jużaw il-kunċett ta’ ‘end-to-end encryption’ meta l-Pulizija jkollhom suspett li qed titwettaq xi illegalità tista’ taċċessa dawn il-messaġġi b’ordni tal-Qorti. Fid-dawl ta’ dan, aħna nappellaw sabiex dan il-proċess jissaħħaħ u tkompli dejjem tiżdied l-azzjoni f’waqtha u b’mod effiċjenti fir-rigward ta’ rapporti simili.

Għalhekk jekk diġà jeżisti dan il-poter, huwa ġust li b’mezzi sproporzjati, jitwarrab  id-dritt fundamentali ta’ privatezza, minflok insaħħu l-għodod diġà eżistenti?  Kemm ser ikollna serħan il-moħħ li nistgħu nikkomunikaw bejnietna b’mod liberu dwar dak li naħsbu?

Jekk jitmexxew ‘il quddiem tali proposti ssuġġeriti jistgħu jkunu ta’ theddida għall-kunċett ‘end-to-end encryption’ li jista’ jwassal ghat-tkasbir tal-privatezza digitali ta’ kull individwu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport