“Kemm għadna ngħożżu lil xulxin u nkellmu lil xulxin bi ħlewwa u nittrattaw lil xulxin bi ħlewwa?”. Dan iddikjarah Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija waqt il-Quddiesa ta’ Nofsillejl fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina, Fi tmiem l-omelija, l-Arċisqof talab għan-nies li huma “mġarrbin mill-qrusija tal-ħajja, li forsi ma sabux ħlewwa; żgħażagħ li forsi ma sabux it-tgħanniqa ta’ min iħobbhom u qed iġorru l-konsegwenzi tan-nuqqas radikali tal-imħabba; miżżewġin li ntilfu – fejn kien hemm ħafna mħabba llum hemm il-vojt jew rabja kbira.”
Fl-Omelija tiegħu hu qal li “t-twelid ta’ Ġesù huwa bħall-għasel li niżel fuq id-dinja, fuq l-art kollha. L-għasel hu l-ħlewwa, il-benna; huwa mediċina. Huwa wkoll il-frott tal-bżulija tan-naħla. Xi mkien qrajt li meta tpoġġi l-għasel f’kuċċarina ċkejkna qed tara x-xogħol ta’ ħajja ta’ naħla. Naħla fil-ħidma kollha tagħha, għaddejja minn fjura għall-oħra, tipproduċi fl-eżistenza tagħha kuċċarina għasel. U meta tifhem dan, tifhem kemm hu prezzjuż l-għasel. Kemm hu don li ma nistgħux neħduh kif ngħidu bl-Ingliż ‘for granted’. Pajjiżna huwa msejjaħ, almenu mill-għerq Grieg, għall-għasel, Melite, il-gżira tal-għasel, il-gżira tal-ħlewwa. Dun Karm ispirat mill-imħabba tiegħu lejn pajjiżna, fl-innu Malti jsejħilha ‘Din l-art ħelwa’. U ftakar ukoll li bil-ħidma tal-Appostlu Missierna San Pawl, il-Mulej libbisha bl-oħla dawl, bid-dawl l-iżjed ħelu. Aħna llum qed infakkru t-twelid fostna ta’ dan l-oħla dawl li bih il-Mulej libbes lill-gżejjer tagħna. U d-domanda li nagħmlu llum lilna nfusna hija din: jekk il-Mulej fit-twelid tiegħu sawwab l-għasel fuq id-dinja u l-gżira tagħna hija msejħa għal dan il-għasel, kemm nistgħu ngħidu li hi art ħelwa? Għax il-ħlewwa ta’ Malta tiddependi mill-ħlewwa tal-qalb tagħna. Mhux mid-dijabete tagħna. Dak għandna biżżejjed u żżejjed. Imma mill-ħlewwa tal-qalb. Kemm għadna ngħożżu lil xulxin u nkellmu lil xulxin bi ħlewwa u nittrattaw lil xulxin bi ħlewwa?”, jistaqsi l-Arċisqof Scicluna.
Fl-omelija tiegħu kompla jgħid li “ nitolbu għal nies li forsi mġarrbin mill-qrusija tal-ħajja, li forsi ma sabux ħlewwa; żgħażagħ li forsi ma sabux it-tgħanniqa ta’ min iħobbhom u qed iġorru l-konsegwenzi tan-nuqqas radikali tal-imħabba; miżżewġin li ntilfu – fejn kien hemm ħafna mħabba llum hemm il-vojt jew rabja kbira. Nistgħu ngħidu li l-gżejjer tagħna li għandhom il-vokazzjoni jkunu art ħelwa, Melite, art il-għasel, għadhom soċjetà fejn il-ħlewwa bejnietna u lejn xulxin, hija valur li ngħożżu.
U din hija l-istedina tiegħi llum li aħna nfakkru li waħda mix-xbihat sbieħ tat-twelid ta’ Ġesù hija li l-għasel jinżel mis-sema. Bil-Latin sabiħ tal-liturġija jgħid hekk: Melliflui facti sunt caeli – is-smewwiet saru jqattru l-għasel, f’dan il-jum is-smewwiet saru l-għerq tal-ħlewwa. U aħna l-imsejħin għal din il-ħlewwa tal-għasel, Melite. Forsi għandna vokazzjoni mhux biss għall-Mediterran, dak kollu li nagħmlu għall-paċi fost il-ġnus, imma bejnietna, bejnietna li ngħixu l-missjoni tagħna li nkunu art ħelwa.
Ejjew nitolbu għal nies li forsi mġarrbin mill-qrusija tal-ħajja, li forsi ma sabux ħlewwa; żgħażagħ li forsi ma sabux it-tgħanniqa ta’ min iħobbhom u qed iġorru l-konsegwenzi tan-nuqqas radikali tal-imħabba; miżżewġin li ntilfu – fejn kien hemm ħafna mħabba llum hemm il-vojt jew rabja kbira”.




