Monday, March 3, 2025

Kemm ili ma’ Swieqi United FC, bla dubju dan huwa l-aqwa staġun – Jean Claude Debattista

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-futbol?

Is-sapport li sibt mill-ġenituri tiegħi u ħuti Karl u Malcolm, għamilli kuraġġ li nibda nieħu t-taħriġ man-Nursery ta’ Hamrun Spartans fejn mill-ewwel ħassejt il-ħajra għall-pożizzjoni ta’ goalkeeper, xi ħaġa li bqajt s’issa mill-età ta’ ħames snin.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala goalkeeper ta’ Swieqi United FC.

L-esperjenza preżenti ma’ Swieqi United FC bħala goalkeeper hija waħda pożittiva u ta sodisfazzjon. Apparti li dan l-istaġun huwa ferm pożittiv bħala klabb li spiċċajna ma l-ewwel 8 fil-klassifika għal l-ewwel darba fl-istorja tal-Club, dik personali nista’ ngħid li hija ferm tajba. Inħoss li dan huwa wieħed mill-aħjar staġuni fil-karriera fejn kelli prestazzjonijiet mill-aqwa f’logħbiet importatni tul l-istaġun s’issa. Qed inħares ‘il quddiem għall-istaġuni li ġejjin mal-klabb.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Pablo Doffo?

Dan hu t-tieni staġun tiegħi mal-kowċ Pablo Doffo, u verament kburi li nilgħab taħt il-gwida tiegħu. Jiena u l-kowċ Pablo naqsmu l-istess mentalità dwar kif naraw il-futbol, u probabbilment dan huwa l-fattur prinċipali għaliex aħna niffunzjonaw tajjeb flimkien.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Kemm ili ma’ Swieqi United FC, bla dubju dan huwa l-aqwa staġun. Għal-ewwel darba fl-storja tal-Club spiċċajna ma top eight biċ-ċans ukoll li nisfidaw għall-promozzjoni. Apparti xi riżultati li stajna morna aħjar, nista ngħid fil-maġġoranza tal-logħob konna tajjeb u kellna prestazzjonijiet mill-aqwa speċjalment ma Clubs li anki għamluha ma l-ewwel tmienja. Dan huwa mertu għall-ħidma intensiva tat-Team Manager Claude Mattocks u l-kowċ Pablo Doffo li bdiet is-sena l-oħra.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-ewwel tragward diġà ilħaqnieh issa la ninsabu fiċ-ċans, it-tragward il-ġdid sar li niġġieldu għall- promozzjoni. Għalkemm hemm bilanċ bejn numru ta’ klabbs, nemmen li għandna ċans tajjeb li nilħqu dan it-tragward.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Inħoss li l-livell tal-futbol Malti preżentement għola ferm kemm mill-aspett tekniku kif ukoll fejn jidħlu plejers. Jekk tħares lejn il-Malta Premier hemm bilanċ bejn it-timijiet kollha. Il-livell ta’ plejers barranin huwa ferm għola mis-snin ta’ qabel. Dan il-fattur qed jgħin biex għola il-livell fiċ-Challenge League. Plejers li sabuha diffiċli li jilgħabu Premier għażlu li jingħaqdu ma’ klabbs fiċ-Challenge League. Bosta klabbs akkwistaw plejers kemm Maltin kif ukoll barranin u xhieda ta’ dan huwa l-bilanċ li hemm bejn il-klabbs.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Il-logħbiet taċ-Challenge League jintlagħbu s-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium. Il-livell huwa simili ħafna. Is-Centenary Stadium jista’ jkollu effett meta jkun riħ qawwi. Minn dan l-istaġun fil-Victor Tedesco Stadium sar titjib sostanzjali kemm fid-dawl kif ukoll il-pitch li għadu kemm sar ġdid.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il futbol.

Il-parir tiegħi huwa wieħed sempliċi però sinjifikanti. Lil dawk it-tfal li qegħdin jitħarrġu jew jixtiequ jibdew taħriġ fil-logħba tal-futbol, nghidilhom biex jimxu pass, pass u ma jghaglux. Jieħdu pjaċir fl-età żgħira u jisimgħu minn dak li jgħidilhom il-kowċis rispettivi meta jibdew jikbru fl-età.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport