Ftit tas-sigħat ilu, is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech, kiteb post fuq il-midja soċjali fejn wera d-dispjaċir tiegħu wara li persuna ħebbet għalih u bdiet toffendih.
Huwa qal li kemm ilu Sindku dejjem aċċetta l-kritika u fejn seta’ dejjem għen lil kulħadd iżda dak li ġara lbieraħ huwa inaċċettabbli. Is-Sindku qal kif ilbieraħ, dan ir-raġel ħebb għalih u saħansitra ppruva jerfa’ jdejh fuqu għaliex kien irrabjat minħabba pjanċa li bdiet tħabbat quddiem id-dar tiegħu u kienet qed tagħmel l-istorbju.
Huwa kompla jispjega li sar jaf b’din il-problema tard filgħaxija wara li sab xi messaġġi minn xi residenti kif ukoll telefonati mingħand l-istess persuna. Kif is-Sindku fehem il-problema, mar mll-ewwel fuq il-post sabiex jirranġa l-problema u r-raġel ikollu moħħu mistrieħ, iżda sfortunatament imbagħad ġara dan l-inċident.
Huwa rringrazzja lill-membri tal-familja ta’ din il-persuna li waqqfuh milli jħebb għas-Sindku u ppruvaw jikkalmawh u daħħluh lura f’daru. Temm jgħid li mhux ser jaqta’ qalbu u beħsiebu jkompli jaħdem għall-aħjar interess għall-Belt Hompesh.