Kemm? Din hi d-domanda li rridu nistaqsu. Domanda li allavolja nistaqsuha se nibqgħu bla tweġiba. Kemm iridu jmutu aktar tfal bil-ġuħ u bil-bombi f’Gaża biex tittieħed azzjoni u din it-tbatija bla qies titwaqqaf? Kemm se ndumu naraw tfal f’aġunija? Iċċassati. Wara jiem bla ikel. Dgħajfin. Bla saħħa. Għadma u ġilda. Kemm se ndumu naraw tfal imkeffnin qabel jindifnu kawża ta’ nuqqas ta’ ikel? Kemm se ndumu naraw tfal jiġbru dqiq mill-art? Kemm se ndumu naraw tfal jibku biex xi ħadd itihom loqma biex jitrejqu? Kemm iridu jmutu aktar tfal u nies oħra innoċenti f’Gaża biex il-politiċi fosthom dawk Ewropej jieħdu azzjoni? Kemm se ddum għaddejja din l-inġustizzja? Din l-inumanità. Kemm se ddum id-dinja tħares lejn Gaża u tara din il-kriżi umana. Kemm se jdumu l-politiċi fosthom dawk tal-Unjoni Ewropea, jiċċassaw lejn il-kriżi u ma jaġixxux? Kemm se jdumu jistennew u fuq kollox x’qed jistennew?
U waqt li tkompli din il-passività, waqt li jkomplu jinfirex is-skiet aktar tfal u vittmi innoċenti jispiċċaw fuq l-irħama bla ħajja.
Ejja ngħiduha kif inhi waqt li din il-kriżi umana, dan it-tindif etniku li għaddej, il-qerda totali ta’ Gaża, kienu qegħdin jixxukkjaw lil ħafna nies madwar id-dinja, il-politiċi Ewropej u anke ta’ pajjiżi oħra kienu siktin. Anki l-gvernijiet ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropa kienu fommhom sieket. Jitkellmu fuq ħafna affarijiet, anki affarijiet frivoli, imma l-kunflitt ta’ Gaża ftit li xejn jissemma’. Jinjorawh.
U waqt li rrenja s-skiet, l-inumanità kontra l-poplu ta’ Gaża kompliet teskala. L-ewwel bdejna b’attakki mill-ajru, imbagħad l-invażjoni, aktar attakki mill-ajru u attakki min suldati fuq nies ċivili f’Gaża. U waqt li l-kundanni lil Iżrael baqgħu ma sarux, waqt li l-politiċi u l-burokratiċi fl-Unjoni Ewropea flimkien ma’ oħrajn baqgħu siktin, Iżrael għadda għal fażi oħra. L-imblokk tal-ikel u affarijiet oħra essenzjali.
Din kienet tfisser ħaġa waħda. Li issa apparti l-armamenti u l-bombi, li litteralment kinsu l-Gaża, kienet se tintuża l-arma ġdida dik tal-ġuħ. Dan wassal biex sar l-imblokk. Li ġara kien li l-prezzijiet tal-ikel f’Gaża splodew. L-imbookk imma wassal biex wara ammont ta’ ġimgħat, dawk f’Gaża bdew jesperjenzaw nuqqas ta’ ikel. Bdejna naraw it-tfal imorru lura f’dik li hi saħħa. Bdejna narawhom litteralment jinxfu. Sakemm imbagħad bdew juruhomlna katavri. U s-skiet kompla minkejja li dinja issa kienet ixxukkjata aktar minn qatt qabel b’dak li kien qiegħed iseħħ.
Fl-aħħar xahar per eżempju, il-President tal-Kummissjoni Ewropea fil-messaġġi li kitbet semmiet lil Gaża darba biss.
F’xahar sħiħ jiġifieri mill-24 ta’ Ġunju sa issa, lil Gaża semmietha f’messaġġ li kitbet fit-22 ta’ Lulju. Mill-bqija qatt ma ssemmiet aktar. Għamlet messaġġi fuq il-kummerċ, fuq l-ispazju u anke l-kunflitt fl-Ukrajna, imma Gaża dejjem imwarrba.
U fit-22 ta’ Lulju ħarġet tgħidilna li “persuni ċivili qatt m’għandhom ikunu fil-mira. Qatt. L-immaġini minn Gaża huma xokkanti. L-Unjoni Ewropea ttenni is-sejħa tagħha biex l-għajnuna umanitarja titħalla tiddaħħal.” Sejħet għal rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali u tal-liġi umanitarja. Qalet li ċ-ċivili f’Gaża sofrew ħafna u għal tul ta’ żmien. Appella biex il-gwerra tieqaf.
Imma l-President tal-Kummissjoni Ewropea kemm tista’ tkun kredibbli? Kemm din l-istqarrija li għamlet tispira fiduċja? Kemm tista’ tittieħed bis-serjetà? Ma ninsewx li proprju ftit jiem wara li Iżrael bedą l-attakki fuq Gaża wara l-attakk tal-Ħamas, von der Leyen kienet marret f’Iżrael u tat appoġġ bla kundizzjoni. Illum tlett snin wara qegħdin naraw fejn qegħdin. Qegħdin naraw kif is-sitwazzjoni spiċċat fi kriżi umana.
Kif nistgħu neħduha bis-serjetà, kif nistgħu nemmnu li dak li qiegħda tlissen verament temmnu, meta ftit ġimgħat waqt li Gaża kienet injorata mid-diskorsi u d-dikjarazzjonijiet tagħha, hi immedjatament tkellmet fuq il-kriżi ta’ nirien li ħakmet żoni f’Iżrael. B’kuntrast ma’ Gaża, dwar in-nirien ħarġet tikkummenta mill-ewwel. Uriet is-solidarjetà u bagħtet l-għajnuna. Hekk għandu jkun. Pajjiż f’diffikulta għandek tgħinu. Imma allura kriżi bħal dik li għaddejja f’Gaża, ma tlissinx kelma, u ma tittieħed ebda azzjoni. Possibbli l-ħruq ta’ siġar inkwetat daqstant u ħafna aktar minn dak li qed jiġri f’Gaża. Tibqa’ passiva. Tibqa’ tinjora. Ovvjament passività li tfisser ħafna.
Dak li qalet fl-aħħar jiem il-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar Gaża ma jistax jittieħed bis-serjetà. M’għandna l-ebda dubju li dik hi dikjarazzjoni ta’ konvenjenza. Għamlitha għax m’hemmx mod ieħor. Għamlitha għax il-polz tal-popli llum qiegħed jidher sew fuq liema naħa hu. Iċ-ċittadini Ewropej iridu li dan il-kunflitt jieqaf u tirrenja l-paċi.
Dak li twettaq ħalla kważi 60,000 persuna f’Gaża mejtin. Qaltilna li l-immaġi li qegħdin naraw minn Gaża huma insappottabbli. Li ma tgħix imma hi ħaġa waħda, li s-sitwazzjoni kienet insappottabbli xhur ilu. Metą l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea għażlu li jibqgħu fommhom sieket fuq dan il-kunflitt. Metą l-morali ġew litteralment sostitwiti mas-skiet u l-passività. Dan sforz diplomażija dgħafja u beżżiegħa.
U lil hinn minn dan it-triq ’l quddiem x’inhi? Nemmnu li t-triq hi li tittieħed azzjoni biex tirrenja l-paċi. Qegħdin naraw ċaqlieqa bil-mod minn xi pajjiżi fosthom Franza li irrikonoxxiet uffiċjalment l-Istat Palestinjan. Hemm pajjiżi oħra li se jimxu fuq l-istess linja. Nittamaw li min għadu jaħsibha jew qiegħed jagħżel li jistenna, jieħdu dan il-pass ukoll. Din qiegħda turi xi ħaġa – li l-indifferenza m’hemmx postha. Is-skiet li ddomina ma wassal imkiien ħlief li żdiedu l-imwiet. Kien silenzju li qed joqtol.