Monday, December 15, 2025

Kemm jgħaddi ż-żmien nibqa’ nsibha diffiċli npoġġi fi kliem l-emozzjonijiet li ġabet magħha r-rebħa storika tal-Jubilee Cup’ – Maia Debono

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Kelli biss ħames snin meta bdejt il-karriera tiegħi f’dan l-isport. Sa minn meta kont l-iskola primarja, dejjem kont inħossni miġbuda lejn il-football – fil-breaks tal-iskola kont dejjem insib ruħi nilgħab ma’ sħabi subien. Minn hemm indunajt li xtaqt li dan kollu jkun aktar strutturat u regolari, u għalhekk ingħaqadt ma’ Mellieħa FC. Dak iż-żmien kont l-unika tifla fost madwar ħmistax-il tifel.

Wara tliet snin magħhom, ta’ ghaxar snin, ġejt mistiedna għall-ewwel darba ngħaqad mal-akkademja tal-MFA. Hemmhekk fhimt li l-football kien sar parti importanti ħafna minn ħajti. Dak il-ħin ħadt id-deċiżjoni li nsib club fejn stajt inkompli nikber, u b’hekk ingħaqadt ma’ Melita FC. Is-sitwazzjoni kienet simili—kont xorta waħda l-unika tifla—iżda din id-darba fost madwar 70 jew 80 tifel.

Magħhom għamilt bejn tliet u erba’ snin sakemm wasalt għall-età li fiha ma stajtx inkompli nilgħab mas-subien. Dak kien il-mument li bdejt il-vjaġġ tiegħi ma’ Mġarr United, u minn hemm qatt ma ħarist lura.

Matul is-snin li domt nilgħab f’ambjent maqsum prinċipalment mis-subien, dejjem kelli niġġieled aktar biex nilħaq ċertu livell u biex inkun fuq l-istess paragun ma’ ħaddieħor. Din l-esperjenza mhux biss għallmitni nkun aktar determinata, iżda wkoll li nkun aktar b’saħħti mentalment u fiżikament, u li naħdem bla waqfien biex intejjeb lili nnifsi

Fil-verità, differenti minn ħafna plejers, jien qatt ma kelli lil ħadd fil-familja li kien midħla tal-futbol. Għalhekk, għall-familja tiegħi kienet ftit ta’ sorpriża meta bdejt fuq din it-triq. Iżda matul is-snin kollha dejjem kienu ta’ appoġġ kbir, u għalhekk jiena dejjem grat ħafna lejhom.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mgarr United FC u dik mat-tim nazzjonali.

L-esperjenza tiegħi ma’ Mġarr United FC bdiet aktar minn għaxar snin ilu mat-tim tal-U16. L-ewwel staġun tiegħi kien wieħed memorabbli, għax irbaħt id-doppjeta flimkien mat-tim. Matul is-snin, ifformajt parti mill-iskwadri tal-U16 u tal-U19, fejn irbaħt diversi unuri li jibqgħu għal dejjem f’qalbi.

Sa mill-bidu nett bdejt ukoll nattendi t-taħriġ mat-tim tal-kbar. Fil-bidu ma kienx faċli—kont ġdida u naturalment kienet hemm ċerta mistħija—iżda grazzi għall-appoġġ tal-plejers l-oħra, minnufih sibt lili nnifsi integrata u milqugħa. Dan kien il-mument li fih indunajt li Mġarr kien il-club li xtaqt nikber mieghu.

Kelli 14-il sena biss meta ngħatajt l-opportunità li ningħaqad mal-iskwadra tal-kbar u nagħmel id-debut tiegħi. Din l-għajnuna u l-fiduċja kienu frott it-twemmin li kellu fija l-coach Raymond Vella, u għal dan inħossni gratissima. Tul il-karriera tiegħi ma’ Mġarr kelli wkoll diversi coaches oħra li emmnu fija u għenuni nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala individwu.

Matul dawn l-għaxar snin rajt il-klabb jikber u jissaħħaħ—fil-mentalità, fil-livell u fl-istruttura tiegħu. Importanti ħafna nsemmu lil Mary Muscat, li kienet u tibqa’ figura ċentrali fil-club, u grazzi għaliha nbena dak li għandna llum.

Nemmen li l-akbar qabża tagħna saret fl-aħħar tliet snin, meta l-mentalità tat-tim evolviet b’mod pożittiv. Bdejna nemmnu aktar fina nfusna, ħdimna bi standard ogħla u bdejna nimmiraw aktar għal suċċessi fil-kampjonat.

Huwa diffiċli niġbor kollox f’kliem għax l-esperjenza kienet mimlija emozzjonijiet—sabiħin u wkoll ta’ sfida. Iżda jiena gratissima għal kull pass li għamilt ma’ Mġarr, għax dan il-vjaġġ għenni insir il-plejer u l-persuna li jien illum

Kif semmejt qabel, il-vjaġġ tiegħi mat-tim nazzjonali beda minn età żgħira ħafna. Tul is-snin ifformajt parti minn diversi skwadri u ħadt sehem f’ħafna tournamenti u kwalifikazzjonijiet taħt il-15, is-16 u d-19-il sena. Kien hemm esperjenzi sbieħ u oħrajn aktar diffiċli, iżda kollha kemm huma jibqgħu miegħek għal ħajtek kollha—għax m’hemmx xejn isbaħ milli tirrappreżenta lil pajjiżek.

Kelli wkoll l-unur li nagħmel id-debutt tiegħi mal-iskwadra tal-kbar ftit ilu, esperjenza li għalija tfisser ħafna. It-tim nazzjonali huwa l-ogħla għan ta’ kull plejer Malti, u għalhekk nibqa’ naħdem kuljum biex fl-aħħar mill-aħħar niksibha li nsib post regolari ma’ din l-iskwadra.

X’tikkummenta fuq is-suċċess storiku li ksibtu bir-rebħ tal-Jubilee Cup, fil-jiem li għaddew?

Onestament, kemm jgħaddi ż-żmien nibqa’ nsibha diffiċli npoġġi fi kliem l-emozzjonijiet li ġabet magħha r-rebħa storika tal-Jubilee Cup. Din kienet finali li tisseħħ darba f’ħajja—li tieħu sehem fiha kienet diġà unur enormi, iżda li tirbaha… dik kienet ħolma. U mhux sempliċiment ħolma komuni, imma waħda li anke jekk tipprova toħlomha, qatt ma tistenna li sseħħ b’dan il-mod speċjali.

Il-logħba kienet waħda bilanċjata ħafna, b’mumenti fejn deheret li stajna nitilfuha. Iżda kienet, l-attitudni pożittiva u r-rieda li ma naqtgħux qalbna li bidlu l-andament kollu. Urejn li bħala tim għandna kuraġġ, discipdixxiplina u spiritu li ma jitfarrakx. Meta kien hemm bżonn nirritornaw fil-logħba, irnexxielna. Meta l-mument kien jitlob li nissieltu, żidna pressjoni. U meta kien wasal il-ħin li nersqu ‘l quddiem u nuru l-identità tagħna—għamilniha b’determinazzjoni u qlubija sħiħa.

Din it-Tazza hija prova ċara tax-xogħol li nagħmlu kuljum, tas-sagrifiċċji li nagħmlu għal xulxin u tal-impenn li npoġġu fit-taħriġ u fil-logħob. Huwa unur li mhux biss jirrifletti l-prestazzjoni tagħna f’dik il-lejla, iżda xhur sħaħ ta’ ħidma, maturità u tkabbir bħala grupp.

U fuq kollox, hija tazza li tfakkarna kemm nistgħu niksbu meta nemmnu fina nfusna u f’xulxin.

X’tikkummenta fuq l-andament tagħkom matul dan l-istaġun sa issa, fejn tinsabu fl-ewwel post tal-Kampjonat?

Matul dan l-istaġun qed naraw il-frott tax-xogħol tagħna, u l-fatt li qegħdin fl-ewwel post tal-Kampjonat mhuwiex xi ħaġa każwali—verament qed naħdmu kuljum b’impenn sħiħ. Din il-ħidma ma bdietx biss din is-sena; hija kontinwazzjoni tas snien li ghaddew, b mod specjali tas sena l-oħra, meta saħansitra ma rbaħniex il-kampjonat imma diġà konna f’pożizzjoni tajba. Fl-aħħar tal-istaġun li għadda, meta rbaħna n-knock-out, tassew għenitna nindunaw kemm nistgħu nkunu kapaċi, u dak kien biss il-bidu ta’ din it-triq li għamilna flimkien.

It-tim qed juri konsistenza u determinazzjoni kbira. Kull player qed jagħti l-aħjar tiegħu f’kull logħba, u din il-koperazzjoni flimkien ma’ mentalità pożittiva qed tagħmel differenza sinifikanti. Naturalment, m’hemmx xi ħaġa faċli—kull logħba hija sfida u kull punt irid jitħallas b’ħidma u impenn. Iżda l-enerġija u d-dedikazzjoni tat-tim waslitna fl-ewwel post tal-Kampjonat bħalissa. Kuljum naħdmu b’dedikazzjoni sħiħa biex nibqgħu fuq dan il-livell u biex inkomplu nisfruttaw ir-riżultati sal-aħħar tal-istaġun.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun? 

L-aspirazzjonijiet tagħna għal dan l-istaġun huma ċari u evidenti. Naħseb li l-għan ta’ kull tim huwa li jirbaħ il-kampjonat, u nista’ ngħid li dan it-tragward huwa iktar viċin u realistiku din is-sena minn qatt qabel. Ilna żmien naħdmu biex inbidlu l-andament u nuru li aħna, bħall-Mġarr, għandna tim kapaċi mhux biss biex niċċalengjaw għall-kampjonat, iżda wkoll biex inkunu protagonisti.

Qed naħdmu kuljum sabiex dan it-tragward isir possibbli. Barra minn hekk, hemm kompetizzjonijiet oħra bħan-knockout li huma wkoll importanti ħafna għalina. L-għan tagħna huwa li nibqgħu nimxu pass pass, logħba b’logħba, u nagħtu l-aħjar tagħna sabiex nippreparaw bl-aħjar mod għal kull sfida li jkollna quddiemna

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ryan Vella?

Il-kowċ Ryan Vella ngħaqad magħna lejn l-aħħar tal-istaġun 2023/2024, u nista’ ngħid li l-bidla fil-folja bdiet tidher minn meta beda jaħdem magħna. Huwa rawwem fina xi ħaġa li konna neqsin minnha: il-kunfidenza li nistgħu nkunu kompetittivi daqs, jekk mhux aktar, minn kulħadd. Bis sahha tieghu rnexxielna negħlbu ċertu biża’ u mentalità li kienet iżżommna lura. Qabel, jekk l-affarijiet kienu jibdew imorru ħażin, konna naqtgħu qalbna malajr; iżda huwa kellu rwol kruċjali fil-bidla f’din il-mentalità, u għinna nifhmu li dejjem nistgħu nqumu fuq saqajna, niġġieldu u nduraw ir-riżultat favur tagħna.

Huwa kowċ intelliġenti ħafna, u għal kull partita dejjem jippreparana bi pjanijiet differenti, sabiex inkunu nistgħu nadattaw skont kif tiżvolġi l-logħba. Tattikament għamilna passi enormi taħtu; għallimna naqraw aħjar il-logħba u nifhmu d-deċiżjonijiet li rridu nieħdu.

Apparti fl-aspett ta’ tim, fuq aspett personali inħossni li għamilt qabża kbira ma’ Kowċ Ryan, kemm fiżikament, mentalment u anke tattikament.  Huwa jurini li jemmen fija u dejjem jipprova jgiegħlni nagħraf ċerti sitwazzjonijeit waqt il-logħba. Bla ma trid meta jkollok kowċ li jemmen fik ħa jttellagħlek il-moral u l-kunfidenza, u awtomatikament din ħa tgħin biex ikolli prestazzjonijiet tajbin u konsistenti.

Fuq livell personali, inħoss li għamilt qabża kbira taħt il-kowċ Ryan — kemm fiżikament, mentalment kif ukoll tattikament. Huwa juri li jemmen fija u dejjem jimbuttani nara ċerti sitwazzjonijiet waqt il-logħba b’mod aktar matur u strateġiku. Meta jkollok kowċ li jemmen fik, inevitabbilment il-moral u l-kunfidenza jogħlew, u dan imbagħad jirrifletti fi prestazzjonijiet tajbin u konsistenti.

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Tul iż-żmien rajna qabża kbira fil-livell tal-futbol tan-nisa f’Malta. Illum il-ġurnata qed tingħata aktar importanza lil dan is-settur, u n-nies bdew jirrikonoxxu li n-nisa fil-football huma kapaċi daqs l-irġiel. Qed jiżdiedu wkoll l-interess u l-kuxjenza, b’aktar logħob jintwera fuq it-televixin—xi ħaġa li ftit snin ilu kienet tidher bħala ħolma biss.

Minkejja l-progress li sar, għad hemm aspetti li għandhom bżonn ikomplu jitjiebu. Għadha teżisti ċerta diskrepanza, kemm fil-kundizzjonijiet tal-logħob, fl-infrastruttura, kif ukoll fl-appoġġ finanzjarju u fil-viżibilità. Hemm bżonn li jkompli jsir investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ, biex noħolqu bażi aktar wiesgħa u b’saħħitha għal ġenerazzjonijiet futuri. Importanti wkoll li nkomplu nippromwovu l-parità u nħeġġu aktar bniet biex jidħlu f’dan l-isport mingħajr biża’ jew preġudizzju.

Madankollu, il-mixja li qed nagħmlu hija ċara u pożittiva: il-football tan-nisa f’Malta mhux biss qiegħed jikber, iżda qiegħed isir aktar rispettat u apprezzat. Din hija xi ħaġa li lkoll nistgħu nkunu kburin biha.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Sfortunatament, meta niġu għall-fixtures tan-nisa, ħafna drabi jidher li għad hemm xi pass ieħor x’jsir biex jingħataw l-istess prijoritajiet bħall-kategoriji l-oħra. Għalkemm nista’ ngħid li saru xi titjib, kemm fil-grounds li nilagħbu fihom kif ukoll fil-ħinijiet tal-logħob, hemm aspetti li jibqa’ diffiċli ħafna li jinbidlu. Ma tkunx l-ewwel darba li jkollna partita skedata f’ġurnata u ħin partikolari u ftit jiem qabel tispiċċa tinbidel. In-nies iridu jifhmu li aħna ma nilgħabux fuq livell professjonali—kulħadd għandu l-impenn tax-xogħol u l-ħajja personali minbarra l-football—u għalhekk deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jaffettwawna ferm.

Din l-inċertezza twassal ukoll biex ikun diffiċli tippjana bil-quddiem. Ħafna drabi tħoss li qiegħda dejjem tistenna bidliet potenzjali, u dan mhux ideali għal tim li jkun irid jipprepara b’mod serju u konsistenti.

Fuq l-aspett tat-taħriġ, nista’ ngħid li aħna fortunati ħafna li ninsabu fost il-ftit klabbs li għandhom ground tagħhom stess, 11-a-side, li jkun aċċessibbli għalina meta jkollna bżonnu. Barra minn hekk, il-klabb dejjem jagħmel ħiltu biex jipprovdilna l-aħjar riżorsi possibbli. F’dan il-kuntest irrid insemmI b’mod speċjali lil Jeffrey Cardona, li jaħdem kuljum biex jassigura li nkunu mgħammra bl-aħjar tagħmir u kundizzjonijiet għat-taħriġ.

B’mod ġenerali, nista’ ngħid li sar progress importanti tul is-snin, iżda xorta waħda hemm lok għal titjib sabiex is-sitwazzjoni tkompli titjieb u nivverġu lejn standards iktar ġusti u professjonali.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li fil-preżent il-mentalità lejn l-isport f’Malta qed tevolvi b’mod pożittiv. Qed naraw aktar għarfien dwar l-importanza tal-isport, kemm fuq livell kompetittiv kif ukoll fuq livell ta’ saħħa u benesseri. In-nies bdew jifhmu li l-isport mhuwiex biss passatempu, iżda stil ta’ ħajja li jsaħħaħ il-kunfidenza, id-dixxiplina u l-ħidma f’tim.

Madankollu, għad hemm lok għal titjib. F’ċerti aspetti għad hemm mentalità li l-isport jiġi wara affarijiet oħra, u kultant l-appoġġ—speċjalment għal ċerti dixxiplini, inkluż l-isport tan-nisa—ma jkunx dejjem fuq l-istess livell ta’ pajjiżi oħra. Hemm bżonn aktar investiment, aktar strutturi professjonali, u aktar opportunitajiet sabiex l-atleti jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Imma b’mod ġenerali, il-mixja hija pożittiva: l-interess tan-nies qiegħed jikber, l-involviment tat-tfal żdied u qed naraw aktar inizjattivi li jkomplu jsaħħu l-kultura sportiva f’pajjiżna. Jekk inkomplu nimxu f’din id-direzzjoni, l-isport f’Malta jista’ jilħaq livelli ħafna aktar għolja fil-futur qarib.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-football dejjem kien, għadu u jibqa’ parti essenzjali minn ħajti. L-għan tiegħi hu li nimxi ġurnata b’ġurnata u naħdem bl-aħjar mod possibbli biex inkompli nitjieb, kemm fiżikament kif ukoll mentalment, speċjalment fejn tidħol il-kunfidenza. Il-ħajja personali tiegħi ħafna drabi ddur madwar il-football, u nħoss li mingħajru ma nkunx l-istess persuna.

Nittama li nkun nista’ nkompli nilgħab għal ħafna snin oħra, għalkemm naturalment ħadd ma jaf x’jista’ jġib il-futur. Dak li nista’ ngħid b’ċertezza hu li sakemm ikolli s-saħħa, se nibqa’ naħdem bla heda b’determinazzjoni biex inkompli nilgħab, nikseb aktar unuri u ntejjeb kontinwament il-livell tiegħi.

Wieħed mill-akbar objettivi tiegħi hu li nsaħħaħ post regolari mat-tim nazzjonali. Dan huwa l-mira ta’ kull plejer, u bla dubju l-ogħla livell li nista’ nilħaq fil-karriera tiegħi. Se nibqa’ nagħti kollox biex nasal hemm.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-ewwel ħaġa hija li temmen fik innifsek u fil-potenzjal tiegħek. Il-karriera ta’ suċċess fil-football ma tiġix faċilment; trid taħdem ħafna, tistinka u tpoġġi dedikazzjoni f’kull ħaġa li tagħmel. Il-perseveranza hija element essenzjali, speċjalment fil-football, għax hemm sfidi u ostakli li kull plejer jiltaqa’ magħhom.

Jekk tibqa’ determinat, tifhem li kull pass ‘il quddiem jeħtieġ sforz u tiżgura li tgħallem minn kull esperjenza, l-għan tiegħek dejjem jista’ jintlaħaq. Ħadd ma jgħid li tkun faċli, imma b’ passjoni u perseveranza, tista’ tagħmel il-karriera li tħoss li tixirqilha u tilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport