Nhar il-Ġimgħa l-invażjoni Russa fl-Ukrajna għalqet sena. Kienet sena li fiha rajna kif dan il-kunflitt ħalla ħerba sħiħa f’għadd ta’ żoni fl-Ukrajna. Rajna kif minkejja l-aspettattivi li kellha in-naħa Russa, dak mistenni minnhom – li l-Ukrajna iċċedi fi żmien qasir ma seħħx. Dan ma seħħx għax l-istess Ukrajna irċeviet armamenti u munizzjon b’mod kontinwu mill-Istati Uniti u anke minn pajjiżi Ewropej.
Sa issa m’hemm ebda indikazzjoni li l-gwerra tinsab fi tmiemha. Anzi l-pjani kollha huma li se jkun hemm żieda fil-manifattura tal-armamenti fil-pajjiżi Ewropej u anke fl-Istati Uniti. Dan biex issolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ munizzjon mit-truppi Ukreni.
Il-mistoqsija ċara dwar din il-gwerra hi sempliċi ħafna. Kemm il-poplu Russu u Ukren se jibqa’ sieket quddiem it-tbatija kbira li għaddejjin minnha. Din il-gwerra ma ġabitx biss tbatija kbira għall-poplu Ukren li miljuni kellhom jaħarbu minn darhom. Ġabet tbatija kbira ukoll għall-poplu Russu. Poplu Russu li qiegħed ibati finanzjarjament u anke materjalment. Il-poplu Russu qed ibati bil-kbir minħabba is-sanzjonijiet ekonomiċi imposti kontra ir-Russja minħabba din l-invażjoni.
Sa issa ftit li xejn teżisti informazzjoni dwar kif il-poplu Russu qed jirreaġixxi. Kien hemm xi protesti sena ilu, iżda wara dawn bdew inaqqsu anke wara diversi arresti saru.
Nemmnu li m’hemm ebda dubju li aktar ma ddum il-gwerra fl-Ukrajna aktar se tkun qed tiżdied it-tbatija għall-poplu Russu u bil-mod il-mod tikber ir-reazzjoni tal-istess poplu Russu kontra din il-gwerra. Nemmnu li aktar ma jdum il-kunflitt, aktar hemm iċ-ċans li sezzjonijiet tal-poplu Russu jinżlu fit-toroq u jibdew isemmgħu leħinhom.
Jekk nieħdu in-naħa Ukrena, naraw li dawn għandhom dejn kbir mal-pajjiżi tal-Punent. Dan minħabba li l-Ukrajna irnexxielha tirreżisti l-avvanzata Russa kawża tal-għajnuna li irċeviet. M’hemm ebda dubju li meta l-kunflitt jispiċċa l-Ukrajna se jkollha tħallas dejn “ekonomiku’ u ‘morali’ lill-pajjiżi tal-punent.
Ir-Russja tista’ tgħid tinsab iżolata f’dan il-kunflitt. Kienu biss erba’ pajjiżi li vvutaw kontra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li kienet ikkundannat l-invażjoni. Dawn kienu l-Belarus, il-Korea ta’ Fuq, l-Eritrea u s-Sirja. 35 pajjiż ieħor astjenew.
Iż-żjara tal-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, fl-Ukrajna kienet konferma mill-ġdid tal-appoġġ li l-Istati Uniti se tkun qiegħda tkompli tagħti lill-Ukrajna.
Ir-Russja, għalkemm mhux b’xi enfasi, kellha esponenti li minn żmien għal żmien wissew fil-possibilità li jintużaw armi nuklejari, għalkemm hu fatt li din l-għażla ma tkunx devastanti biss fuq l-Ukrajna imma anki fuq l-istess Russja.
Kemm se ddum din il-gwerra hu diffiċli tipprevedi. Li hu żgur li l-mexxejja kemm fuq naħa u kemm fuq oħra, se jkomplu għaddejjin bil-kunflitti. Nemmnu li huma l-popli taż-żewġ pajjiżi li jridu jitkellmu. Iridu jkunu dawn il-popli, li għaddejjin minn tbatija kbira, li juru li din hi gwerra li qed tikkawża tbatijiet kbar. Gwerra li ħalliet ħafna vittmi innoċenti. Gwerra li affettwat b’mod negattivament lid-dinja. Aktar ma titwal il-gwerra, akbar se jkun il-prezz imħallas. Kemm mir-Russi, kemm mill-Ukreni u mill-bqija tad-dinja. Dan hu kunflitt li minnu la r-Russja u l-anqas l-Ukrajna mhu se joħorġu rebbieħin. Minnu se jkun hemm biss telliefa.