Wednesday, October 22, 2025

‘Kemm mill-perspettiva tal-plejers kif ukoll ta’ dawk fl-amministrazzjoni, l-importanti hu li dejjem tagħti l-massimu tiegħek’ – Clayton Oliva

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn ċkunitni, il-logħba tal-futbol dejjem ħabbejtha. Minħabba diversi sitwazzjonijiet meta kont żgħir, ma kontx involut direttament fil-logħba, iżda hekk kif bdejt nikber dejjem kelli interess fit-tim ta’ nies li jkunu hemm biex dawk l-11-il plejer ikunu ppreparati għal logħba wara oħra.

Beda jinteressani l-aspett ta’ kif kowċ jamministra tim ta’ individwi biex jaħdmu flimkien. ‘Il quddiem, bl-esperjenza tax-xogħol u tal-futbol flimkien, bdejt ninteressa ruħi fil-mod ta’ kif klabb jitmexxa, u hemmhekk bdejt nistudja diversi metodi ta’ kif klabbs jitmexxew u l-isfidi differenti li dawn jiffaċċjaw, speċjalment fil-kuntest ta’ Malta, fejn ammont kbir ta’ nies involuti jagħmlu dan b’volontarjat.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Viċi President ta’ Fgura United FC.

Ir-rwol tiegħi bħala Viċi President huwa l-aktar iffukat fuq il-bżonnijiet tan-Nursery. F’dawn l-aħħar snin in-Nursery tagħna kibret ħafna, u dan wassal għal ħafna xogħol amministrattiv. Ir-rwol tiegħi hu li nieħu ħsieb, flimkien mat-tim tekniku tan-Nursery u membri tal-kumitat, li nikkordinaw l-operat tan-Nursery.

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-President tal-klabb, Larkin Bonnici?

Il-President Larkin Bonnici huwa pedina importanti ħafna fil-klabb. L-esperjenza u d-dedikazzjoni tiegħu huma ta’ ispirazzjoni għal ħafna minna, speċjalment għalina l-ġodda. Ħafna mid-deċiżjonijiet nidiskutuhom flimkien, u tista’ tgħid li nkunu f’kuntatt kuljum dwar il-kordinazzjoni tal-klabb.

X’tikkummenta dwar l-andament tat-tim matul dan l-istaġun s’issa?

L-iskwadra tal-kbar bħalissa tinsab ikkonċentrata u qed iġibu riżultati tajbin. Il-ħidma li saret b’għaqal fiż-żmien ta’ tfassil tat-tim u t-tim tekniku qed tagħti l-frott tagħha. Mit-timijiet l-oħra kompetittivi ta’ Fgura, għaddejjin minn xi sfidi minħabba li qed nikkompetu kontra l-ogħla livell, u dan jirrikjedi aktar ħin biex nistabbilixxu ruħna.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun, anke wara d-diversi akkwisti importanti li għamiltu fix-xhur tas-sajf li għadda?

Fit-tim tal-kbar, l-objettiv primarju hu li naslu mat-top 8, sabiex fit-tieni fażi tal-istaġun inkunu nistgħu nilagħbu kontra t-timijiet ewlenin, u għaliex le, nippruvaw nilħqu l-quċċata. Għat-timijiet l-oħra kompetittivi, l-għan hu li nistabbilixxu ruħna fl-ogħla livelli.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Jien bħalissa qed nagħmel teżi ta’ Masters u fil-fatt dan hu s-suġġett li qed nirriċerka dwaru, il-kwalità fil-futbol Malti min-naħa amministrattiva, b’fokus fuq in-Nurseries. Hemm ħafna ideat u metodoloġiji differenti, u kull Nursery timplimentahom b’mod differenti.

Hemm bżonn ta’ gwida ħolistika għall-klabbs dwar kif għandhom jitmexxew ċerti oqsma, kemm min-naħa amministrattiva kif ukoll teknika. Bħalissa hemm ħafna ideat, imma nuqqas ta’ konċentrazzjoni u nies speċjalizzati biex dawn jiġu implimentati.

U dwar ir-riżorsi (grawnds) fejn tħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Aħna, grazzi għall-ħidma tal-kumitat preċedenti u l-preżenti, dejjem ħabbejna naraw li l-grawnd primarju tagħna jkun ta’ livell xieraq biex nagħtu l-aħjar lill-plejers tagħna ta’ kull livell.

Naturalment, biex iżżomm numru kbir ta’ tfal jirrikjedi ħafna iktar grawnds. Bħalissa noperaw minn erba’ grawnds differenti biex nagħtu l-aħjar riżorsa lil kull kategorija, mill-iżgħar ta’ tliet snin sat-tim tal-kbar. Dan jirrikjedi ħafna aktar xogħol amministrattiv u spejjeż, peress li dawn il-grawnds iridu jinkrew.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?

Jien nixtieq inkompli nagħti l-kontribut tiegħi primarjament lejn il-klabb ta’ Fgura billi nressaq l-ideat tiegħi dwar kif nistgħu nkomplu nikbru u ntejbu l-klabb.

Nixtieq ukoll li kemm bħala klabb, kif ukoll jien personalment, inkunu pedina importanti fejn tidħol il-bidla li hemm bżonn f’ċertu mentalità, biex nagħmlu l-pass li jmiss u nibdew naħsbu b’mentalità aktar professjonali, kemm fl-attitudni kif ukoll fit-tmexxija tal-entitajiet fil-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Nixtieq ngħid li kull min irid jagħti kontribut, kulħadd għandu post. Il-mod kif huma strutturati l-klabbs hawn Malta huwa differenti minn dawk professjonali barra minn hawn, fejn hemm investiment finanzjarju kbir.

Kemm mill-perspettiva tal-plejers kif ukoll ta’ dawk fl-amministrazzjoni, l-importanti hu li dejjem tagħti l-massimu tiegħek.

Ħafna drabi ngħidu li l-plejers barranin qed jieħdu post it-talent Malti, iżda d-differenza tkun li dak il-plejer li jkun telaq kollox biex jiġi Malta jkun iffukat 100%, filwaqt li xi plejers lokali jkunu ffukati fuq mitt ħaġa oħra u mhux dejjem jagħtu l-100%. Hemmhekk tibda tintilef il-kwalità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport