Thursday, December 26, 2024

KEMM XTRAJNA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

L-istatistika dwar il-bejgħ bl-imnut fil-pajjiżi taż-żona tal-ewro għax-xhur ta’ Marzu u April toffri paraguni interessanti. Matul dawn ix-xahrejn dominati mill-corona virus, bħala medja fiż-żona ewro, il-bejgħ bl-imnut naqas  bħala volum, bi 11.1 fil-mija f’Marzu u terġa’ bi 11.7 fil-mija f’April.

Ħaġa kurjuża kif waqt li fil-bqija taż-żona tal-ewro it-tnaqqis sar f’żewġ passi kważi ugwali minn xahar għal xahar, f’Malta l-aqwa tat-tnaqqis, u bil-kbir, seħħ fix-xahar ta’ April – 25.1 fil-mija ta’ tnaqqis. Kien l-akbar wieħed għal dak ix-xahar mill-pajjiżi kollha; imma f’Marzu f’Malta kien biss ta’ 1.1 fil-mija. 

Jekk tieħu x’ġara fuq ix-xahrejn flimkien, il-bejgħ bl-imnut fiż-żona tal-ewro naqas b’21.5 fil-mija u f’Malta b’25.9 fil-mija. Jidher li l-Maltin bdew anqas inkwetati mill-medja tal-Ewropej dwar ix-xiri li jagħmlu u jekk għandhomx jonfqu, u spiċċaw fost l-aktar kawti. 

FLOYD

Il-qtil xokkanti ta’ George Floyd f’Minneapolis qanqal bir-raġun kundanni minn kull rokna tal-Istati Uniti u tad-dinja. 

Inutli nippretendu li r-razziżmu jinsab biss fl-Amerika għax ir-realtà hi li jinsab kull fejn ninsabu. Li jrid jitrażżan u jinqered hi ħaġa ċara. Kif dan se jsir, mhux daqshekk.

Mhux biżżejjed li jinbidlu l-liġijiet – fl-Istati Uniti nbidlu mis-snin sittin tas-seklu l-ieħor lil hawn. Bħala realta’ kuljum, fit-trattament mogħti lin-nies ta’ kulur, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni għadhom ħajja.

Li dawk il-liġijiet għandhom jiġu nforzati hi ħaġa ċara. Anke dak mhux se jkun biżżejjed.

Qabel is-sentiment jidħol fl-imħuħ u fil-qlub, li aħna lkoll bnedmin bl-istess dinjità u bl-istess drittijiet, ma naslux. Il-qtil ta’ Floyd reġa’ wera l-ħtieġa li l-liġijiet kontra r-razziżmu jkunu hemm, li jiġu nforzati bla waqfien u li l-edukazzjoni dwar id-dinjità u d-drittijiet ta’ kull bniedem issir effettiva.

GĦANDNA NILLAXKAW? 

Kien naturali li l-poplu ħass it-tmiem tal-“kwarantina” li għaddejna minna fl-aħħar ġimgħat bħala mument ta’ ħelsien. Veru li kien hemm ċerta konfużjoni għall-bidu dwar x’jista’ jsir u dwar x’ma jistax. Hi konfużjoni li tinqala’ kull meta sistema ta’ tmexxija u imġiba f’pajjiż tinbidel b’mod radikali li jaffettwa kull aspett tal-ħajja.

Ma narax li dik kienet xi problema fit-taqliba li saret. Aktar kien u se jkun problematiku il-bilanċ li jrid jinżamm bejn l-għajxien mill-ġdid ta’ ħajja “normali” u s-sens ta’ viġilanza li jrid jinżamm ħalli l-imxija ma terġax tisponta bil-kbir. Qabel ikun instab u tqassam ma’ kulħadd il-vaċċin li jeqred il-corona virus dil-viġilanza se tibqa’ meħtieġa.

Forsi r-Renju Unit addottah kmieni wisq, imma llum għalina jgħodd is-slogan  użat f’dak il-pajjiż: Stay alert… Ibqa’ b’seba’ għajnejn. 

Ekonomija

Sport