Monday, December 8, 2025

Kendrick Micallef … b’rieda, determinazzjoni u konċentrazzjoni ikompli jikber dejjem aktar bħala tiratur

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

F’dawn l-aħħar snin, isem Kendrick Micallef sar wieħed li jinstema’ dejjem aktar fil-kompetizzjonijiet tal-isparar. Minkejja li għandu biss erba’ snin esperjenza f’dan l-isport, diġà rnexxielu jikseb riżultati importanti li ħafna tiraturi jilħquhom wara snin twal ta’ determinazzjoni u taħriġ intensiv. Illum, Kendrick mhux biss qed jikkompeti mal-aqwa tiraturi f’Malta, iżda wkoll qed juri l-potenzjal tiegħu fuq livell internazzjonali.

Il-karriera ta’ Kendrick Micallef kompliet tieħu spinta qawwija meta rebaħ it-tieni edizzjoni tal-Champion of Champions fil-Disciplina DTL li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Bidnija. Din il-kompetizzjoni prestiġjuża tiġbor fiha l-aqwa tiraturi lokali, iżda kien Kendrick li ħareġ rebbieħ assolut, wara wirja li turi kapaċita’, effiċjenza u ferm importanti l-preċiżjoni.

Fi Klassi A, huwa tella’ prestazzjoni mill-aqwa, billi temm fl-ewwel post b’282 punt u 95 plattina milquta, riżultat li kkonferma l-istatus tiegħu bħala wieħed mill-ismijiet kbar tal-isparar f’Malta fil-mument. Dan is-suċċess kompla jsaħħaħ reputazzjoni li kienet diġà qed tinbena b’pass sod.

Fil-ġimgħat ta’ qabel kienet saret ukoll l-attività annwali tal-MSSF Team Competition f’dixxiplina DTL, fejn l-Flower Team, li kien fih ukoll Kendrick, ħareġ rebbieħ bil-punti tat-tim kollha flimkien. Il-Flower Team laqat 483 mira u ġabar 1416-il punt, prestazzjoni li tat prova kemm tal-kollettiv kif ukoll tal-kapaċitajiet individwali ta’ Kendrick u sħabu.

Din l-attività kienet waħda missielta, b’shoot-off biex tiġi deċiża t-tieni u t-tielet pożizzjoni. Fil-prestazzjoni individwali, kien Roderick Vella li ħareġ rebbieħ b’286 punt, iżda l-livell kien tant għoli li Dennis Grech u Paul Formosa kellhom imorru shoot-off wara li temmew it-tnejn b’285 punt. L-ambjent kompetittiv poġġa lill-atleti kollha taħt pressjoni, iżda minkejja kollox, kien f’dawn l-isfondi li Kendrick kompla jikber, jitgħallem u jissaħħaħ mentalment.

Wieħed mill-mumenti li Kendrick jiftakar l-aktar b’tbissima kbira huwa l-esperjenza tiegħu fl-Ingilterra. Huwa kien parti minn delegazzjoni Maltija li pparteċipat fid-DTL World Championship fir-Range tal-Isparar f’Bywell fir-Renju Unit, fejn għamel impressjoni immedjata.

Fil-finali ta’ Klassi B, Kendrick Micallef temm fl-ewwel post b’punteġġ ta’ 49/146, riżultat li mhux biss poġġieh fil-quċċata tal-klassi tiegħu, iżda wkoll wera li għandu x-xewqa u l-ħila biex jikkompeti ma’ atleti minn madwar id-dinja.

“Bla dubju li l-esperjenza f’Bywell kienet sabiħa ħafna,” jgħid Kendrick. “Mort f’kompetizzjonijiet oħra hemmhekk, mhux biss dik tat-tazza tad-dinja. Dawn l-esperjenzi jagħtuk kuraġġ u jiftħu għajnejk fuq x’inhu l-livell barra minn xtutna.”

Għalkemm ilu biss erba’ snin jipprattika l-isparar, Kendrick juri sens ta’ dixxiplina u rutina li ġeneralment tinstab f’atleti b’esperjenza ferm akbar. Meta jitkellem dwar il-preparazzjoni tiegħu jgħid:

“Nipprepara ruħi sew qabel nispara. Nżomm ruħi kalm kemm nista’. Int trid tipprova ma tħallix it-tensjoni tfixklek għax taffettwa. Tiskanta kemm il-moħħ jeffettwa ferm f’din id-dixxiplina. L-isparar mhux biss teknikament diffiċli, imma mentalment iktar.”

Il-kontroll emozzjonali, il-kalma, u l-konċentrazzjoni huma tliet pilasatri li fuqu Kendrick jsaħħaħ il-prestazzjoni tiegħu. L-isparar, speċjalment fid-DTL, jirrikjedi reazzjoni immedjata, preċiżjoni u moħħ li jżomm il-fokus mira wara l-oħra.

Minn raħal b’passjoni kbira għall-isport, u li dejjem ħareġ talenti kemm fil-futbol kif ukoll f’dixxiplini oħra, Kendrick Micallef huwa eżempju ieħor ta’ kif Ħaż-Żebbuġ dejjem ikollu għal min jiftaħar. Il-kummenti u l-appoġġ li jirċievi mill-komunità huma kontinwi, u jagħtuh spinta biex ikompli jmexxi ’l quddiem l-istess isem tar-raħal tiegħu b’dinjità.

Meta staqsejnieh dwar l-ambizzjonijiet tiegħu, Kendrick jibqa’ umli iżda determinat:

“Ix-xewqa tiegħi hi li nkompli nikber. Nixtieq naraw aktar għajnuna u aktar żgħażagħ li jipprattikaw dan l-isport. L-isparar għandu futur sabiħ jekk nagħtuh il-ħin u r-riżorsi meħtieġa.”

Il-passjoni tiegħu tidher ċara: mhux biss irid javvanza hu, iżda jixtieq li l-isport jikber f’Malta u li ġenerazzjonijiet ġodda jidħlu fid-dixxiplina.

Il-karriera ta’ Kendrick Micallef għadha fil-bidu tagħha, iżda l-potenzjal diġà qed juri dak kollu li jista’ jikseb. Bi preparazzjoni xierqa, esperjenza internazzjonali, mentalità b’saħħitha u appoġġ minn dawk ta’ madwaru, m’hemmx dubju li jinsab fuq triq li twassal għal aktar suċċessi.

Il-kwalità tiegħu, flimkien mad-dixxiplina u l-mod kif għandu jżomm ruħu kalm taħt pressjoni, jagħmluh wieħed mill-aktar tiraturi promettenti f’Malta u figura li tista’ tispira oħrajn biex jidħlu f’dan l-isport.

Kendrick Micallef diġà fetaħ kapitlu importanti fl-isparar Malti. Issa, kollox jidher li se jkompli jikber u l-ewwel paġna hija biss il-bidu. Bir-rieda, id-determinazzjoni u ħafna iktar konċentrazzjoni, dan it-tiratur se jkompli jikber dejjem aktar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport