Friday, December 27, 2024

Kenneth Arpa jirbaħ il-BOV Kampjonat Nazzjonali tal-Bowling

Aqra wkoll

Kenneth Arpa, għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu, rebaħ il-Kampjonati Nazzjonali BOV tas-Seniors fil-bowling iktar kmieni din il-ġimgħa. Arpa baqa’ fl-ewwel post mill-bidu sal-aħħar ta’ dawn il-kampjonati prestiġjużi għal atleti tal-bowling li għandhom mill-inqas 50 sena. Hu kien spiċċa fit-tielet post fi tlieta mill-ewwel erba’ edizzjonijiet passati qabel ma kiseb dan it-trofew din il-ġimgħa.

Arpa – li rebaħ il-Kampjonati Nazzjonali BOV tal-Bowling erba’ darbiet – kiseb dan it-titlu għall-ewwel darba tiegħu minkejja oppożizzjoni b’saħħitha mir-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni tas-sena l-oħra, Mark Spiteri. Spiteri żamm it-tieni post matul it-tliet ġranet ta’ dawn il-kampjonati nazzjonali tal-BOV; dawn il-bowlers tant kemm kienu viċin matul dawn it-18-il logħba li Arpa verament kiseb ir-rebħa tiegħu fl-aħħar frame tal-kompetizzjoni.

Din il-kompetizzjoni ġiet organizzata mill-Malta Bowling Association (MBA) fuq tlett’ijiem fejn il-kompetituri lagħbu blokk ta’ sitt logħbiet kuljum għal dawn il-jiem konsekuttivi. Arpa spiċċa r-rebbieħ wara dawn il-logħob kollha peress li kiseb l-ogħla punteġġ totali.

Dawn il-kampjonati tipikament jintlagħbu f’żewġ kategoriji – kategorija għall-irġiel u oħra għan-nisa. Però, din is-sena l-kompetituri lagħbu kollha flimkien, minkejja l-ġeneri differenti ħabba nuqqas ta’ applikazzjonijiet ta’ nisa eliġibbli. Sue Abela, ir-rebbieħa tas-sena 2022 tan-nisa f’dawn il-kampjonati, sfortunatament ma setgħetx tieħu sehem f’dawn il-kampjonati iktar kmieni fil-ġimgħa minħabba kunflitt fl-iskeda tagħha.

Dawn il-kampjonati wkoll din is-sena neħħew is-sistema tal-handicap li kien ibbażat fuq l-età ta’ kull kompetitur. Fl-edizzjonijiet preċedenti, il-kompetituri kollha kienu ngħataw punti bonus (handicap) skont l-età tagħhom fuq l-età minima ta’ 50 sena. Dan ifisser li bowler ta’ 55 sena kien jingħata 5 punti bonus għal kull logħba waqt li atleta ta’ 70 sena kien jingħata 20 punt bonus kull logħba. Din is-sena, dawn il-punti bonus ingħataw biss lin-nisa li pparteċipaw ħabba li kellhom jikkompetu kontra l-irġiel. Skont ir-regoli tal-MBA, dawn ingħataw 10 punti bonus kull logħba waqt l-irġiel ma ngħataw xejn wara din ir-riforma fil-format ta’ dawn il-kampjonati.

Arpa akkumula punteġġ totali ta’ 3579 wara 18-il logħba, li fisser għal skor medju ta’ 198.83. Spiteri spiċċa biss 26 punt wara Arpa bil-punteġġ tiegħu ta’ 3553 (skor medju ta’ 197.39). Dennis Mercieca spiċċa fit-tielet post wara li spiċċa b’saħħtu fl-aħħar logħbiet ta’ dawn il-kampjonati prestiġjużi.

Ekonomija

Sport