Kersten Mercieca – l-armwrestler li wara tant sfidi rnexxielu jagħmilha sa Istanbul biex jikkompeti fl-East vs West ħabbar ftit tal-ħin ilu rnexxielu jikklassifika fit-tieni post minn fost l-armwrestler Ewropej kollha ta’ 91kg.
talk.mt baqa’ jsegwi l-ħolma ta’ Kersten minkejja d-diversi sfidi li sab quddiemu xorta waħda qed ikompli jikseb riżultati tajbin barra minn xtutna. “Ninsab kuntent ferm għal dan ir-riżultat… poġġejt lil Malta fuq il-mappa,” kiteb Kersten.
Qabel ma telaq lejn Istanbul f’kummenti li kien ta lil talk.mt Kersten kien sostna li “tħallejt waħdi imma fl-istess ħin qed inħoss il-preżenza ta’ dawk kollha minnkom li wrewni s-sapport. Mhux se nkun qiegħed nikkompeti waħdi u se nkun qiegħed inġorrkom kollha miegħi. Minn issa ’l quddiem ninsab kuntent li wasalt s’hawn imma se nagħmel minn kollox anke b’rispett lejn l-isponsors tiegħi”.
Fl-aħħar xhur huwa kien qiegħed jappella għall-għajnuna min-naħa tal-Istat biex ikun rikonoxxut, iżda sab intoppi minħabba li f’pajjiżna m’hawn biżżejjed atleti biex titwaqqaf federazzjoni. Huwa sostna f’intervista ma’ dan is-sit li ma jaffordjax li jaħli l-aħjar żmien tiegħu jitkarrab għal federazzjoni biex fl-aħħar mill-aħħar ikun jista’ jikkompeti bil-bandiera Maltija wara dahru.