Waqt il-Konferenza Kwadriennali tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel, Kevin Abela kien ikkonfermat bħala Segretarju u nħatru wkoll il-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima għall-perjodu 2025-2028.
F’diskors li għamel tal-okkażjoni, is-Segretarju Kevin Abela qal li 28 xahar ilu, waqt konferenza straordinarja tat-Taqsima, kellu l-unur u l-privileġġ li jkun afdat bit-tmexxija tagħha. Żmien impenjattiv ħafna iżda stqarr li meta jħares lura jagħmel hekk b’sodisfazzjon kbir.
Huwa qal li matul dan il-perjodu, għalkemm kien hemm diversi sfidi, komplew jikkonsolidaw il-ħidma tat-Taqsima, komplew iżidu b’mod sostanzjali fil-membri, kif ukoll kumpaniji ġodda fejn illum, b’ħafna impenn u diskussjonijiet it-Taqsima rnexxielha wkoll li jkollha rappreżentanza fihom.
“Ħdimna u bl-assistenza tagħkom ir-rappreżentanti solvejna ħafna każi personali. Għalaqna ammont sabiħ ta’ Ftehim Kollettivi, fejn tjiebu b’mod qawwi kemm id-dħul kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Ħadna sehem f’diskussjonijiet f’fora lokali biex jinbidlu jew jiġu introdotti liġijiet ġodda, kif ukoll erġajna stabbilixejna kuntatt fil-fora Ewropea hekk kif b’mod konsistenti attendejt għal diversi laqgħat barra minn Malta,” qal Abela.
Huwa temm jirringrazzja lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għax-xogħol siewi li jagħmlu ma’ sħabhom fuq il-postijiet tax-xogħol, lill-membri kollha tal-Eżekuttiv tat-Taqsima tal-appoġġ u l-għajnuna li jagħtuh filwaqt li awgura lill-membri l-ġodda ħidma siewja għall-ġid tal-ħaddiema.
Irringrazzja wkoll lill-amministrazzjoni tal-GWU tal-appoġġ kontinwu li jagħtuh, lis-Segretarji kollha u l-bqija tal-ħaddiema fil-GWU tal-għajnuna li dejjem sab mingħandhom.
Fl-għeluq tal-konferenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja rringrazzja lil Kevin Abela, lill-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima u lir-rappreżentanti kollha tal-ħidma li qed iwettqu b’risq il-ħaddiema. Huwa żied jgħid li din it-Taqsima tieħu ħsieb settur li dejjem għaddej minn tibdil u għandu potenzjal li jikber. Taqsima li rat tibdil enormi proprju meta bdew jinġiebu l-ħaddiema tal-kuntrattur biex jaħdmu f’dan is-settur. Settur b’faxxa ta’ ħaddiema kbira li bdew jisfaw sfruttati, kemm bħala kundizzjonijiet kif ukoll bħala pagi.
“Matul dan il-perjodu enfasizzajna u ħdimna qatigħ flimkien biex intejbu l-kwalità tal-pagi u l-ħajja tal-ħaddiema f’dan is-settur, fosthom tal-food couriers u t-TCN’s (third country nationals). Ħidma li qed tiġi indirizzata anke fuq sfera globali biex jinqatgħu l-abbużi,” żied jgħid Bugeja.
Semma’ li Malta kienet il-ħames pajjiż fl-Ewropa li ntroduċiet il-liġi tal-platform workers biex jiġu indirizzati dawn il-ħaddiema u jingħataw status ta’ impjegati, madankollu saħaq li għad irid isir ħafna iżjed kemm bħala infurzar kif ukoll mil-lat edukattiv fostna.