L-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) ħabbret il-ħatra ta’ Kevin Azzopardi bħala l-Kap Eżekuttiv ġdid wara sejħa pubblika.
Kevin Azzopardi nħatar bħala l-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS), wara sejħa pubblika.
Huwa jġib miegħu esperjenza ta’ tletin sena fl-isport Malti wara diversi karigi li huwa okkupa. Azzopardi huwa gradwat bħala edukatur tal-Edukazzjoni Fiżika mill-Università ta’ Malta u għandu esperjenza ta’ 12-il sena bħala edukatur f’dan is-suġġett kemm fl-Iskola Sekondarja tas-subien fl-Imtarfa u fil-Kulleġġ Stella Maris. Fl-2014 huwa nħatar Uffiċjal Edukattiv tal-Edukazzjoni u Sport fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Tul dan iż-żmien Azzopardi mexxa riforma sħiħa f’dan is-settur li llum igawdi prijorità nazzjonali. Huwa kien responsabbli wkoll għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport, il-Programm ta’ Żvilupp f’Karriera Sportiva (SCDP) u aktar riċenti, il-Malta School Games.
Azzopardi kompla l-istudji tiegħu fuq livell ta’ Masters fl-Istudji Edukattivi Komparattivi Ewro-Mediterranji filwaqt li bħalissa qiegħed jagħmel riċerka fuq livell ta’ dottorat fl-Istitut tal-Istudji Maltin fl-Università ta’ Malta relatat mal-identità soċjokulturali li l-isport popolari u tradizzjonali jagħti lill-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin.
Kevin Azzopardi kellu karriera ta’ 18-il sena bħala referee tal-futbol inkluż fuq livell internazzjonali segwiti minn erba’ snin bħala Direttur tar-Referees fi ħdan il-Malta Football Association kif ukoll bħala Osservatur tar-Referees tal-UEFA. Serva wkoll bħala Referee Development Officer fl-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Northumberland, fir-Renju Unit. Għal dawn l-aħħar erba’ snin huwa okkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti fejn kien strumentali biex pajjiżna organizza b’suċċess il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023 kif ukoll kellu sehem ewlieni biex Malta u Għawdex rebħu d-dritt li jospitaw il-Logħob tal-Commonwealth taż-Żgħażagħ fl-2027. Azzopardi kellu rwol attiv biex Għawdex isir membru tal-International Island Games Association.
Fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti, Azzopardi kien ukoll l-uniku rappreżentant Malti għall-Integrità Sportiva mat-Taqsima tal-Moviment Olimpiku għall-Prevenzjoni tal-Mainipular fl-Isport fi ħdan l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jifraħ lil Kevin Azzopardi għal din il-ħatra, filwaqt li jawgura suċċess għal ħidma sfiqa fi ħdan l-AIMS.

