Sunday, December 22, 2024

“Kevin għażel li jbaxxi rasu u baqa’ jgib lil kulħadd qablu sal- aħħar”

Tingħata l-aħħar tislima lil Kevin Galea li miet fl-età ta’ 33 sena

Aqra wkoll

Bil-knisja Ta’ Ġieżu ppakjata fuq ġewwa u barra, ir-Rabat sellem lil Kevin Galea, wieħed minn uliedu li miet fl-età ta’ 33 sena nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru.

Iċ-ċelebrant Fr Martin Coleiro fl-omelija tiegħu qal li Kevin kellu għażliet x’jagħmel, iżda għażel li jagħmel bħal San Ġużepp … għażel li jbaxxi rasu hekk kif ħajtu nbidlet.

Qal li ħajjet Kevin ġiet ta’ taħt fuq mal-aħbar li kellu marda terminali, iżda hu għażel li jgħix il-ġurnata u japprezza dak kollu li kellu.

Iddeskriva lil Kevin bħala ferrieħi u ċajtier ma’ kulħadd. “Faċli titfa’ post fuq il-midja soċjali u titkellem dwaru, imma Kevin irid jibqa’ ħaj. Kevin jibqa’ ħaj jekk nieħdu l-ispirtu tiegħu li ngħixu l-ġurnata tgħax għada mhu ta’ ħadd,” tenna ċ-ċelebrant.

Stqarr li għal Kevin li jara lil mara u lit-tifla minn fuq il-mobile meta kien għal kura f’Londra kienet ukoll xi ħaġa pożittiva. “Kevin dejjem ġab lil ħaddieħor dejjem qablu, kien jinkwieta għal ħaddieħor u jinsa lilu nnifsu,” temm jgħid iċ-ċelebrant.

Hekk kif intemmet il-quddiesa, il-familja rringrazzjat lit-tobba u l-infermieri kollha fost oħrajn li ħadu ħsieb lil Kevin. Irringrazzjaw ukoll lil Puttinu Cares li kien ta’ sosten kbir kemm għal qarib tagħhom kif ukoll għalihom stess. Għal dan il-kliem in-nies preżenti nfexxew f’ċapċipa kbira b’turija ta’ sodisfazzjoni u ringrazzjament.

Ekonomija

Sport