Valletta kkonfermaw li l-attakkant żagħżugħ Keyon Ewurum ingħaqad mat-tim Taljan tas-Serie A Torino.
Il-plejer żagħżugħ ta’ 18-il sena ffinalizza l-formalitajiet kollha biex jingħaqad mal-Granata b’self sal-aħħar tal-istaġun, b’għażla li jagħmel it-trasferiment wieħed permanenti.
“Valletta Football Club laħqu ftehim mal-klabb Taljan tas-Serie A Torino Football Club għat-trasferiment b’self ta’ Keyon Ewurum ta’ 18-il sena għall-bqija tal-istaġun 2025/26, b’għażla għal trasferiment permanenti,” qal il-klabb tal-Premier League fi stqarrija.
“Din l-opportunità ssegwi interess sostnut fl-iscouting minn Torino FC u tirrifletti kemm l-iżvilupp rapidu tal-plejer kif ukoll l-impenn tal-klabb li jipprovdi mogħdijiet elite għall-aktar talenti żgħażagħ promettenti tiegħu.
“L-arranġament propost huwa allinjat bis-sħiħ mal-istrateġija Gen-V tal-Klabb, qafas ta’ żvilupp iċċentrat fuq il-plejer imfassal biex irawwem it-talent żagħżugħ filwaqt li jiżgura li l-opportunitajiet fi klabbs Ewropej tal-ogħla livell ma jiġux ostakolati.
“Valletta FC jiffaċilitaw tarsferimenti lejn klabbs ta’ reputazzjoni tajba fejn teżisti mogħdija sportiva ċara, li tippermetti lill-plejers jesprimu lilhom infushom f’ambjenti ta’ prestazzjoni għolja qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet fit-tul.”
Min-naħa tiegħu, il-president Claudio Grech iddeskriva t-trasferiment ta’ Ewurum bħala mument importanti għal kulħadd involut.
“Dan huwa mument importanti – għal Keyon, għal Valletta FC, u għall-proġett Gen-V tagħna. Il-vjaġġ ta’ Keyon huwa eżempju ċar ta’ kif it-talent, ix-xogħol iebes, u l-filosofija t-tajba tal-klabb jistgħu jallinjaw ruħhom,” qal Grech.
“Ħadna deċiżjoni deliberata li nadottaw mudell favur il-plejers li jpoġġi l-iżvilupp l-ewwel. Meta klabb serju u kredibbli bħal Torino FC juru interess fi plajer tagħna, ir-rwol tagħna mhuwiex li nimblokkaw l-ambizzjoni iżda li nappoġġjawha b’mod responsabbli, filwaqt li nissalvagwardjaw l-interess fit-tul kemm tal-plejer kif ukoll tal-klabb.
“Dan it-trasferiment jibgħat messaġġ qawwi: Valletta FC huma għal darb’oħra pjattaforma fejn plejers żgħażagħ jistgħu jikbru u javvanzaw għall-ogħla livelli tal-logħba.
“Dan huwa r-riżultat ta’ snin ta’ impenn għall-iżvilupp taż-żgħażagħ u nixtieq nirringrazzja speċifikament lill-Kowċ Alessandro Piscina, liċ-chairman tal-Akkademja James McKay u lill-eks president Alexander Fenech, li emmnu fil-potenzjal ta’ Keyon sa mill-ewwel snin ta’ żvilupp tiegħu.”

