L-eks plejer internazzjonali Malti Andrew Cohen kien ta’ ispirazzjoni għal Gżira United Veterans li għelbu lil Żurrieq Wolves 9-3 fil-VMFA Kia Premier League.
Cohen skorja erba’ gowls b’Jonathan Pearson jiskorja doppjetta personali. Dino Cachia, Alex Muscat u Adrian Lanzon ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers għal Gżira bi Clarence John Conger Thompson jiskorja doppjetta u Robert Magro iżid ieħor għal Żurrieq li b’hekk naqqsu l-marġni tal-iskor.
Rabat Veterans żammew lil Żejtun Red Stars fi dro ta’ 4-4. Kienet partita ta’ botta u risposta li ħalliet lil dawk preżenti fil-grawnd tad-Dorotej f’Ħaż-Żebbuġ fuq ix-xwiek sal-aħħar.
Justin Felice poġġa lil Rabat fil-vantaġġ b’Michael Borg Olivier iġib l-iskor indaqs għal Żejtun b’Felice jerġa’ jiskorja għal 3-1.
Noel Tabone skorja t-tieni gowl għal Żejtun għalkemm Clint Micallef reġa’ żied il-vantaġġ għar-Rabtin.
L-aħħar mumenti kienu kollha ta’ Żejtun li skorjaw darbtejn sabiex kisbu dro drammatiku ta’ 4-4 b’Nikolay Filipov u għal darb’oħra Tabone jissiġġillaw ir-riżultat finali.
Birkirkara St Helens kisbu rebħa importanti ta’ 4-1 kontra Pieta’ Hotspurs.
L-Istripes skorjaw erba’ gowls mingħajr risposta permezz ta’ doppjetta ta’ Glenn Bonello, Robert Perkins u Florin Danut Paun b’Jeffrey Chetcuti jnaqqas il-marġni tal-iskor għal Pieta’.
Finalment l-MFPA żammew il-konsistenza tagħhom tal-aħħar partiti meta għelbu lil Luxol St Andrews 8-3.
Jonathan Bondin skorja doppjetta filwaqt li Mark Barbara u Charles Polidano taw vantaġġ ta’ 4-0 għal MFPA sabiex Michael Galea u Jean Bert Gatt naqqsu l-marġni tal-iskor għal Luxol.
L-MFPA baqgħu konċentrati u baqgħu jiskorjaw b’Thomas Paris, Stephen Wellman u għal darb’oħra Barbara jniżżlu isimhom fost l-iskorers.
Michael Galea skorja d-doppjetta personali u t-tielet wieħed għat-tim tiegħu.
KLASSIFIKA – VMFA Kia Premier League:
MFPA 9 Żejtun Red Stars 7, Gżira United 6, Rabat Veterans 4 Birkirkara St Helen 3, Luxol St Andrews, Pieta’ Hotspurs 1, Żurrieq Wolves 0