Fl-Indja, atleta tal-MMA miet wara li ngħata daqqa ta’ ponn f’rasu waqt konfront tal-kampjonat ta’ kickboxing.
L-awtoritajiet qed jinvestigaw lill-organizzaturi wara li nhar l-Erbgħa miet il-kickboxer, Nikhil Suresh, ta’ 23 sena.
Filmati juru lil Suresh jaqa’ mal-art wara li ngħata daqqa ta’ ponn f’wiċċu mill-avversarju tiegħu.
Ir-referee mbagħad iddikjara t-tmiem il-ġlieda wara li Suresh ma ċċaqlaqx aktar.
Dak il-ħin inqala’ paniku kbir u bosta spettaturi marru biex jagħtu l-ewwel għajnuna lil Suresh fejn ittieħed l-isptar b’urġenza … iżda sfortunatment miet erbat ijiem wara kawża tal-ġrieħi li ġarrab.
Suresh – li beda l-kickboxing sentejn ilu – kien qed jieħu sehem f’kampjonat ta’ kickboxing K-1 fuq l-ogħla liveell organizzat mill-K-1 Kickboxing Association ta’ Karnataka.
Missieru, li kien irrabjat ħafna għal mewt ta’ ibnu, ressaq rapport mal-pulizija fejn akkuża lill-organizzaturi b’negliġenza.
Wara dan l-inċident, il-pulizija mill-ewwel marru fuq il-post tat-traġedja fejn sostniet li għamlet spezzjoni bir-reqqa.
L-istess pulizija ħabbret li l-organizzatur tal-avveniment, Naveen Ravishankar, huwa nieqes.