Saturday, December 21, 2024

“Kien Ġesù Kristu li ressaqni lejn it-teatru u kien it-teatru li ressaqni lejH” – Carlos Farrugia

Aqra wkoll

Carlos Farrugia hu attur lokali li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Hu ħadem f’diversi drammi fuq il-palk u oħrajn fuq it-televixin. Illum il-ġurnata għandu l-kumpanija tar-reċtar tiegħu – Free Spirit.

Hekk kif ninsabu fil-Ġimgħa Mqaddsa fejn sa fl-aħħar qed nerġgħu naraw l-attivitajiet isiru wara nuqqas ta’ tliet snin kawża tal-pandemija tal-COVID-19, ħafna nies jieħdu sehem f’purċissjonijiet, wirjiet iżda wkoll pageants tal-Ġimgħa l-Kbira. 

Bosta kienu dawk l-atturi li ħadmu l-parti ta’ Ġesù Kristu f’dawn id-drammi b’Carlos Farrugia jkun wieħed minnhom. Aħna tkellimna miegħu dwar din il-parti tant importanti u fuq kollox kif bdiet in-namra tiegħu lejn ir-reċtar.

“Ir-reċtar minn dejjem kien jogħġobni. Meta kont l-iskola kont nieħu sehem f’xi biċċiet ’l hemm u ’l hawn u ommi ta’ spiss kienet teħodni t-teatru. Minkejja kollox, qatt ma bsart li għad nibni karriera fir-reċtar. Anzi biex ngħidlek is-sew ma kelli l-ebda idea li se nasal s’hawn.”

“Meta kelli dawk it-18-il sena, kont qed nieħu sehem f’rappreżentazzjoni tal-moda. Minnufih, ġejt avviċinat biex naħdem il-parti ta’ Kristu f’film. Interpretajt l-istess parti fit-teatru tad-Dumnikani, il-Belt. Peress li jien mill-Belt ma stajtx nirrifjuta din l-offerta. Kif poġġejt saqajja għall-ewwel darba fuq dak il-palk, bejni u bejn ruħi għedt li posti hu hemmhekk u kelli raġun għax dejjem bqajt inħares ‘il quddiem lejn din il-karriera.”

Saqsejna lil Carlos dwar x’emozzjonijiet iħoss meta kien jinterpreta l-karattru ta’ Kristu f’xi pageant jew rappreżentazzjoni teatrali. Hu qalilna li hu dejjem ta’ unur li attur jinterpreta l-karattru prinċipali u fil-verità wieħed iħossu wkoll xi ftit popolari. Għajnejn in-nies imorru fuq il-personaġġ prinċipali. Meta kien għadu żagħżugħ dejjem fittex sabiex jinterpreta dan il-karattru bl-aqwa mod possibbli, iżda meta għadda ż-żmien u beda jikber, hu ra kif għamel sabiex jistudja l-karattru ferm aktar fil-fond.

“Meta studjajt aktar fuq Kristu bis-serjetà, bdejt ninterpretah ferm aħjar anke għax rajt f’liema sitwazzjonijiet kien u kelli nadatta għaċ-ċirkostanzi ta’ dak il-ħin meta tkun fuq il-palk. Bdejt nimmaġina t-tbatija li kien qed iħoss huma u jorbtuh u eventwalment isallbuh fuq is-salib. Fuq kollox, fid-drama reliġjuża, Kristu huwa dejjem iċ-ċentru tal-istorja u jeffettwa sew dak li jkun qed jiġri waqt din ir-rappreżentazzjoni.

Iżda xi jfisser Ġesù Kristu għal Carlos Farrugia?

“Bħala reliġjon kattolika, Kristu jirrappreżenta entità. Hawn min jirreferi għaliha bħala entità, oħrajn jarawh bħala n-natura, l-univers jew Alla nnifsu. Jiġri x’jiġri aħna dejjem nirrikorru lejn xi ħaġa.”

Għal Carlos, Ġesù Kristu jfisser ħafna. Sa minn meta kien żgħir flimkien mal-familja tiegħu kienu jmorru l-quddies apparti li f’dawn iż-żminijiet tal-Għid il-Kbir, il-Belt Valletta tkun miżgħuda b’attivitajiet reliġjużi permezz ta’ wirjiet u purċissjonijiet. Hu trabba f’dan l-ambjent u għalhekk awtomatikament sar iħobb sew dawn iż-żminijiet.

“Kollox beda minn Kristu. Kristu hu figura importanti immens f’ħajti, kemm mil-lat artistiku kif ukoll dak spiritwali. Kien Ġesù Kristu li ressaqni lejn it-teatru u kien it-teatru li ressaqni lejH. Għadni nesperimenta, naqra u nistudja fuqu sal-ġurnata tal-lum. Inħobb nistudja fuq dan il-bniedem hekk kif li biddel l-istorja tad-dinja.”

Fil-fatt tlabnieh ikellimna dwar il-kultura tal-festi tal-Għid fil-Belt Valletta. Hu jgħidilna li ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt huma sinonimi ħafna. Kollox jibda mill-ewwel tas-sena meta fi Pjazza San Ġorġ in-nies jiċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida. Fl-10 ta’ Frar tkun iċċelebrata l-festa ta’ San Pawl filwaqt li fix-xahar ta’ Frar stess ikun hemm il-karnival. Kollox ikompli bil-pageant, wirjiet u purċissjonijiet li jkunu mdawwra bihom f’dan iż-żmien. Iżda mhux biss. Meta Valletta FC jirbħu xi unur f’Mejju jkun hemm ċelebrazzjonijiet kbar apparti li fis-sajf ikun hemm il-festi li tant huma sinonimi għalihom u li għal din is-sena se jerġgħu jirritornaw wara nuqqas ta’ tliet snin. B’hekk il-Beltin jiċċelebraw minnhom għax hekk imdorrijin.

Hu min-naħa tiegħu jħobb ħafna dan iż-żmien u jitgħaxxaq jara vari żgħar u kbar, statwi li jirrappreżentaw lil Kristu u kull forma ta’ sepulkru. Jgħid li meta jara l-knisja mżejna u armata, mingħajr ma wieħed irid, jinġabar f’forma ta’ riflessjoni filwaqt li jibda jitlob talba personali. 

Carlos Farrugia jirrakkonta meta qabel waħda mir-rappreżentazzjonijiet li kellu jagħmel kellu inċident bil-karozza tant li litteralment kien weġġa’ sidru sew. Minkejja li t-tobba qalulu sabiex dik is-sena ma jipparteċipax, hu xorta waħda webbes rasu u ried jagħmel il-parti ta’ Kristu. B’xorti tajba ma ġara xejn anke għax l-atturi li kienu qed jinterpretaw is-suldati qagħdu ħafna attenti li ma jweġġgħuhx.

Ekonomija

Sport