Wednesday, October 22, 2025

“Kien għamel tliet vjaġġi oħra bejn Malta u Għawdex għal ħlas ta’ €3,000 kull darba”

Il-Kroat mixli b’76 kilo kokaina valur ta’ €9 miljun f'Għawdex

Aqra wkoll

Nenad Kovacic, il-Kroat li tressaq il-Qorti ta’ Għawdex hekk kif ġie akkużat b’pussess u traffikat ta’ 76 kilo droga koakina b’valur ta’ €9 miljun qal lill-Pulizija li kien diġà għamel tliet vjaġġi oħra bejn Malta u Għawdex bl-istess skop, fejn kien qed jistenna ħlas ta’ €3,000 għal kull vjaġġ. 

Mal-pulizija, il-Kroat qal li hu kien imħassal biex jagħmel dawn il-vjaġġi u kien jaf li qiegħed iġorr id-droga.

Dan ħareġ hekk kif it-Tlieta waranofsinhar bdiet il-kumpilazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech.

Il-prosekuzzjoni qalet li kienet ilha ġimgħat tagħmel osservazzjonijiet u timxi wara l-passi ta’ Kovacic qabel ġie arrestat.

 Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur John Lee Howard, spjegat li fl-14 ta’ Ottubru 2025 daħlet informazzjoni anonima li fiha ssemmiet Toyota Rav 4 li kienet mistennija tinżel Għawdex u li fiha kien hemm suspett ta’ sustanzi illegali.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vettura ġiet imwaqqaf mill-Pulizija fil-port tal-Imġarr fejn is-Surġet talab dokument ta’ identifikazzjoni lis-suspettat. Hu mill-ewwel identifika lilu nnifsu bħala Nevad Kovacic.

Wara li ngħata d-drittijiet tiegħu, il-Pulizija għamlu tfittxija fuq il-vettura u fil-bagalja sabu sports bag li fih kien hemm 18-il pakkett b’logo ‘Nando’, li t-testijiet preliminari kkonfermaw li kienu jikkonsistu f’kokaina b’piż ta’ 18 kilogramma. Kovacic ġie arrestat fuq il-post u informat bid-drittijiet tiegħu bil-lingwa Kroata.

Ftit wara l-arrest, l-akkużat qalilhom li kien qed iħoss uġigħ f’sidru u ġie trasferit l-ewwel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u mbagħad Mater Dei, fejn l-għada, 15 ta’ Ottubru, sarlu intervent kardijaku biex jitneħħew żewġ molol.

Matul il-proċeduri, l-Ispettur Howard qal li wara li ġie arrestat Kovacic, il-Pulizija marru jagħmlu tfittxija fir-residenza tiegħu fix-Xagħra, fejn instabu 52 pakkett ieħor ta’ kokaina moħbija f’basktijiet tal-Lidl, kollha maħżuna f’diversi partijiet tad-dar.

Din it-tfittxija saret fil-preżenza tas-sid tal-proprjetà, iżda mhux fil-preżenza tal-akkużat, li dak il-ħin kien l-isptar. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Nicholas Mifsud qajmet diversi oġġezzjonijiet dwar il-proċedura tal-arrest u tat-tfittxijiet.

Id-difiża qalet li l-Pulizija ma kellix mandat ta’ tfittxija u li l-akkużat ma kienx preżenti waqt l-istess tfittxija fid-dar tiegħu.

L-Ispettur qal li dwar dan il-każ  “ma ħassewx li hemm bżonn” li dan jissejjaħ. Minn naħa tiegħu l-Ispettur Howard qal li ċ-ċirkostanzi ma ppermettewx li l-akkużat ikun preżenti.

Barra minn hekk, ġie kkonfermat li meta l-Pulizija daħlu fid-dar, sabuha mqallba bil-gwardarobbi miftuħa, u li ma saret l-ebda verifika jekk kienx hemm CCTV cameras li setgħu juru min daħal jew ħareġ qabel ma waslet il-Pulizija.

Xehed ukoll l-espert tal-Qorti Gilbert Mercieca li kkonferma l-piż totatli tas-sustanza li nstabu. 

Xehed ukoll is-Surġet Darren Bugeja li quddiem il-Maġistrat Grech spjega li kien fuq il-post waqt l-arrest u li ngħataw id-drittijiet kollha lill-akkużat. Hu xehed li fil-karozza sab baskett u bagalja bil-pakketti tad-droga. Dak il-ħin il-Kroat kien il-ħin kollu preżenti.

Id-difiża insistiet li hemm nuqqasijiet serji fil-proċedura, fosthom in-nuqqas ta’ mandat, in-nuqqas ta’ preżenza tal-akkużat waqt it-tfittxija, u l-fatt li ma saritx verifika fuq filmati ta’ sorveljanza minkejja li r-residenza nstabet f’kundizzjoni ta’ qlajja’ qabel waslet il-pulizija. Hawn l-Avukat prosekutur Godwin Cini wieġeb li fiċ-ċirkostanzi tal-każ il-liġi tgħid li ma hemmx il-ħtieġa għall-mandat.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi John Howard u Alfredo Mangion waqt li għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Nicholas Mifsud. Il-kumpilazzjoni se tkompli fil-25 ta’ Novembru fis-2pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport