Saturday, September 13, 2025

Kien Gvern Laburista li ta lill-isportivi l-aqwa faċilitajiet sportivi f’Għawdex

Aqra wkoll

Kellu jkun Gvern Laburista li jagħti lill-isportivi Għawdxin u lill-Għawdxin l-aqwa faċilitajiet li kienu mwiegħda għal snin sħaħ taħt Gvern Nazzjonalista u baqgħu fuq l-ixkaffa.

Kellu jkun Gvern Laburista li jibdel il-ħolma tal-proġett tal-Padiljun Sportiv u Akkwatiku f’realtà. Dak li Gvern Nazzjonalista m’għamilx għal snin sħaħ, Gvern Laburista għamlu f’dawn l-aħħar erba’ snin fejn radd lura lill-isportivi Għawdxin pixxina ta’ daqs olimpiku u kumpless sportiv state-of-the-art li jikkumplimentaha.

Il-Partit Nazzjonalista għall-konvenjenza jinsa l-kisbiet li qed jagħmel dan il-Gvern fil-qasam sportiv, li mhumiex biss marbuta ma’ bini, immodernizzar u titjib ta’ faċilitajiet sportivi, imma anke kisbiet fuq skala internazzjonali mill-atleti tagħna.

Il-PN huwa partit li baqa’ maqbud mill-estremisti u jehda jirrepeti l-gideb. Għall-kuntrarju ta’ dak li qed tipprova tallega l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li l-Gvern nefaq €10 miljun aktar fondi pubbliċi, minn fatti pubbliċi, dan kienu biss tender wieħed. Dan il-proġett, kien jinvolvi l-ħruġ ta’ 7 tenders li globalment ilaħħqu ’l fuq minn €20 miljun.

Tajjeb li wieħed ifakkar li kien Gvern Nazzjonalista, lura fis-sena 2008 wiegħed lill-Għawdxin, pixxina olimpika u qatt ma wettaqha. Fil-Manifest elettorali Nazzjonalista tal-2008, Proposta 334 kienet tghid: “Jiġi żviluppat ċentru ta’ faċilitajiet sportivi fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Xħajma, li jinkludi r-rinnovazzjoni tal-korsa taż-żwiemel eżistenti u faċilitajiet ġodda għall-isport inkluż pixxina.”

Iżda kellu jkun dan il-Gvern, fl-eqqel tal-pandemija globali, li b’mod konkret ta bidu għal din il-ħolma li llum saret f’realtà. Bla dubju dan ser ikun l-akbar legat ta’ dan il-Gvern fil-qasam sportiv f’Għawdex.

Il-ftuħ uffiċjali tal-Padiljun Sportiv u Akwatiku f’Għawdex hu xhieda ħajja tal-Gvern Laburista b’risq l-isportivi Għawdxin, il-komunità u aktar. Ċentru li ser ikun katalist ewlieni fil-preparamenti tal-atleti tagħna, fejn b’faċilitajiet state-of-the-art, ser ikun strument ewlieni fl-aspirazzjonijiet tagħhom. Imma mhux biss. Permezz ta’ dan il-padiljun sportiv ta’ livell internazzjonali, Għawdex issa jinsab fuq il-mappa tat-turiżmu sportiv.

Dan kollu hu parti mill-istrateġija li qed jadotta Gvern Laburista. Strateġija mfassla mill-Għawdxin għall-Għawdxin. Strateġija li ma baqgħetx biss fuq il-karta, kif kien jiġri dejjem taħt Amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, imma strateġija li qed titwettaq.

Hu tajjeb jekk l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista jżuru dan il-kumpless sportiv, jaraw b’għajnejhom u jesperjenzaw, dak li dan il-Gvern qed jagħti lill-pubbliku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport