Friday, November 22, 2024

”Kien hawn għaks imġiddem”

Xkafef vojta fil-ħwienet u ftit ikel bir-razzjon … It-tbatija u wara l-ferħ ta’ poplu li ma kienx se jċedi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Niftakar lin-nannu nistaqsieh fuq il-Konvoj ta’ Santa Marija. Niftakarni nistaqsih jekk kienx mar jara l-Konvoj dieħel fil-port. Kien jgħidli ‘aħna konna ngħixu l-Mellieħa… ma ersaqniex lejn il-port. Kien spjegali kemm kien diffiċli tmur għax ħafna karozzi kienu waqfu  minħabba li l-fjuwil kien spiċċa’. Kien spjegali wkoll li kienu anke nħarġu xi twissijiet biex lejn il-port ma jersqux in-nies u dan għax kien hemm bżonn li l-provvisti mill-konvoj jittieħu mill-ewwel f’żoni protetti.  Staqsejtu x’kienu jieklu, fis-sens x’tip ta’ ikel kien hawn fl-eqqel tal-Gwerra  u niftakru qisu l-bieraħ jgħidli, ‘x’nieklu? Ridt tgħidli x’kienu jitimgħuna. Ma kien hawn xejn. Trid toqgħod b’li jagħtuk. Kien ikun hemm il-ħobż. Kien ħobż li mhux bħal dak imdorrijin bih. Kien baxx. Minn ġewwa kien ikun ta’ kulur kannella. Ma jħajrekx tieklu imma ma kellna xejn u lilu konna nieklu. Ommi min jaf kemm tatna is-sehem tagħha. Kien hawn ġuħ imġiddem’. Meta kont staqsejtu fuq il-ħwienet, u x’kienu jbiegħu kien qalli li l-ixkafef kienu vojta u li lanqas karozzi ma kont tara. Il-fjuwil kien kważi spiċċa. Karozzi tas-servizz biss kont tara għaddejjin”. 

Hekk irrakkontalna persuna li fi tfulitu kienet l-hena tiegħu jisma’ r-rakkonti ta’ nannuh b’dik l-aktar favorita l-ġrajja tad-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Dwar il-Victory Kitchen nannuh kien spjegalu li dawk kienu jmorru bił-borma u kif il-poplu Malti minħabba l-għaks “imġiddem” li kien qiegħed isofri kellu ktieb tar-razzjon. Nannuh kien jgħidlu kif ‘jagħtuk xi naqra għaġin u ikel hekk”. Mentri, wara li daħal il-konvoj jirriżulta li r-razzjon xorta baqa’ u xorta baqa’ l-ġuħ. Minkejja t-tbatija, nannuh kien qallu li dak iż-żmien id-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija kien ferraħ lill-pajjiżna għax il-poplu Malti ma baqax b’qalbu maqtugħa u ‘l-pajjiż li ma kienx se jċedi’.

It-tfal tal-lum lanqas idea ta’ dan il-jum … Illum Santa Marija għax-xalar

Illum il-ġurnata, 81 sena wara d-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija f’pajjiżna, issib anzjani li għadhom jiftakru din il-ġrajja u jgħidulek li t-tfal tal-lum lanqas biss jafu x’jiġifieri. Nannuh kien spjegalu li, “konna norqdu u nqumu fix-xelter.  Djar imwaqqa’.  It-tbatija kienet kbira. Illum it-tfal lanqas jafu x’jiġifieri. Meta nirrakkonta lit-tfal tat-tfal ninduna kemm ma jafux x’ġara. Issa f’annivesarju jsemmu xi ħaġa u jerġa’ jintesa’ kollox.  Għalina Santa Marija kienet tfisser id-dħul tal-konvoj.  Kull sena konna mmorru nirringrazzjaw l-Alla u l-Madonna fil-knisja.  Illum nitnikket nara li għaż-żgħażagħ tagħna, għalihom il-festa ta’ Santa Marija tfisser biss xalar.  Jien ngħid waħda… Dak li qegħdin igawdu llum ġie bis-saħħa ta’ ħafna oħrajn li ssaggrifikaw ħajjithom għalih fit-Tieni Gwerra Dinjija”.

Kieku jieklu l-ħarrub u l-pal tal-bajtar…

Kien 81 sena ilu meta f’pajjiżna daħal il-konvoj ta’ Santa Marija bi provvisti tant mistennija u meħtieġa. Kien proprju fil-15 ta’ Awwissu meta bastimenti minn dan il-konvoj waslu f’pajjiżna. In-nannu kien isemmilu kif kien jittiekel il-ħarrub u anke l-pal tal-bajtar. ‘Konna ġieli mmorru nitkarrbu għall-ikel mis-suldati Ingliżi fl-Għadira. Hemmhekk kien imdawwar kollu bil-gradi. L-għelieqi tal-Aħrax ma stajniex naħdmuhom. Is-suldati Ingliżi kienu jagħtuna l-fdal tal-ikel’.
Diskursati li fihom kienet tidħol in-nanna, li kienet mill-Imtaħleb fejn kienet tgħidlu ċar u tond li dan l-għaks li qiegħed jgħidlu bih, huma qatt ma rawh. “Darba rajna ajruplan u n- nagħaġ tant beżgħu, li qabżu mill-irdum għall-isfel. Qatt ma batejna ġuħ.” 

X’ġara minnu l-Ohio? 

Il-bastiment li l-aktar li baqa’ jissemma’ minn dan il-Konvoj kien l-“Ohio” dieħel imwieżen fil-port. Imma, dan il-bastimenti x’kien ġara minnu? Din hija mistoqsija li ħafna ma jafux iweġbuha. Fil-fatt, l-Ohio kien tpoġġa fil- Bajja tal-Kalkara, eżattament taħt it-triq li tagħti lejn il-Forti Rikażli. 

Dan kien inqassam fi tnejn. Parti ntużat bħala dormitorju għas-suldati Jugożlavi li kienu f’Malta wara li kienu ħadu sehem f’missjoni fl-Italja, mentri l-parti l-oħra tal-bastiment intużat mill-Army Pay Office. 

Kien imbagħad fis-sena 1946 meta kien ġie deċiż li l-Ohio għandu jitgħarraq. Parti minnu ttieħdet ’il barra mill-Port il-Kbir, madwar disa’ jew 10 mili u tgħarrqet. Il-parti l-oħra tgħarrqet ’il barra mill-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. 

Jidher li nqalgħu xi diffikultajiet biex il-parti li ttieħdet barra l-Port il-Kbir titgħarraq u kellhom jisparaw lejha biex tegħreq. 

L-istorja tal-Konvoj ta’ Santa Marija 

Ma setax jonqosx li  meta ntlemaħ il-bastiment “SS Ohio” dieħel irmunkat fil-port, feġġ raġġ ta’ dawl fuq il-poplu Malti. Fil-15 ta’ Awwissu tal-1942, daħal il-bastiment Ohio minn total ta’ ħamsa li waslu Malta biex ikunu jistgħu jsalvaw lill-pajjiż li fix-xhur ta’ qabel sofra attakki qawwija mil-Luftwaffe. 

Ta’ min jgħid li l-istoriku tal-gwerra Simon Cusens kien stqarr kif ‘Operation Pedestal’ kienet waħda kritika u fuq kollox bżonjuża għall-alleati biex iżommu lil Malta bħala bażi navali. Huwa kien spjega li din kienet waħda mill-akbar operazzjonijiet li qatt seħħu fl-ibħra tal-Mediterran. Din il-missjoni kienet se tissupplixxi pajjiż sħiħ b’dak kollu li kellu bżonn. Fost dawn kien hemm provvisti ta’ ikel, mediċina, munizzjon u żejt. Irid jingħad li dawn il-provvisti f’pajjiżna kienu naqsu drastikament fix-xhur ta’ qabel. L-operazzjoni nħadmet bir-reqqa, imma daqstant ieħor kien għassa ta’ dan l-għadu. Fil-fatt, il-konvoj kien sofra attakki bil-konsegwenza li ntilfu numru sostanzjali ta’ bastimenti. 

Kif mistenni, huwa u dieħel mill-istrett ta’ Ġibiltà, il-konvoj sab lilu nnifsu wiċċ imb’wiċċ ma’ opri tal-ajru u tal-baħar mibgħuta mill-għadu. Minkejja attakki qawwija, xi bastimenti rnexxielhom jaslu sa xtutna. 

Il-konvoj ta’ 78 bastiment kellu 14 minnhom li kienu qegħdin iġorru merkanzija u l-oħrajn kienu qegħdin iservu bħala skorta ħalli jkunu ċerti li l-merkanzija tasal sa Malta. Fil-fatt, il-bastimenti l-oħra kienu qegħdin jipproteġu lill-konvoj mill-attakki. 

L-istoriku Cusens jispjega kif mhux il-bastimenti kollha daħlu fil-15 t’Awwissu iżda dak li daħal proprju f’din il-ġurnata ddedikata lil Santa Marija, l-Ohio, baqa’ u se jibqa’ mfakkar għall-fatt li kien qiegħed iġorr l-iktar ħaġa bżonjuża fiż-żmien tal-gwerra, jiġifieri ż-żejt. 

Din il-ġrajja baqgħet tiġi mfakkra mal-Maltin bħala “l-Konvoj ta’ Santa Marija” wara jiem sħaħ ta’ talb li kienu ddedikawlha biex issalvahom mill-ġuħ kbir f’dawn il-mumenti tant diffiċli u kritiċi. 

Cusens jistqarr kif dan il-konvoj, li ma kienx l-ewwel tat-tip tiegħu, kien is-salvazzjoni tal-poplu Malti hekk kif kienet waslet fix-xifer li ċċedi għall-pressjoni tal-għadu.

Iż-żmien qiegħed inessi 

Kien hemm żmien meta dan l-avveniment storiku kien jitfakkar b’ċertu pompa. Ovvjament, ma kienx jonqos il-veterani li jitkellmu dwaru. Ħafna minn dawk li kienu baqgħu ħajjin, illum sfortunatament tista’ tgħid li kollha ħallewna. Iż-żmien ukoll donnu bil-mod il-mod qiegħed inessi din il-ġrajja tant importanti b’konsegwenza li qisu l-importanza tagħha dejjem qiegħda tonqos. M’għandux ikun hekk. Ġrajja bħal din hija ġrajja li ffurmatna bħala poplu u pajjiżna huwa obbligat li jibqa’ jfakkarha.

Sport