Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Inkun onesta, ma nistax ngħid eżattament meta bdiet, imma dejjem kelli ġibda naturali lejn dan l-isport. Għalkemm ġejja minn familja kbira ta’ sebgħa, jien biss inħobb il-futbol, għalhekk ma nistax ngħid li trabbejt f’ambjent imdawwar bih jew li kienet xi triq mistennija li nieħu.
Dejjem kont sportiva, u b’ommi għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika, ippruvajt ħafna sports differenti. Imbagħad bdejt il-futbol ta’ 11-il sena – u minn dakinhar, qatt ma ħarist lura. Barra minn hekk, dak iż-żmien il-futbol tan-nisa kien għadu relattivament ġdid u, f’għajnejn ħafna, meqjus bħala xi ħaġa mhux tas-soltu. Il-konformità qatt ma għoġbitni – il-futbol għeni nsib mod kif nesprimi lili nnifsi u nħossni differenti mill-bqija.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mġarr United FC.
Kull min jafni jaf kemm ifisser għalija t-tim tal-iMġarr. Bdejt magħhom b’mira waħda f’moħħi – li xi darba nirbaħ il-kampjonat magħhom u ninkiteb fl-istorja tal-klabb. Illum qed naraw aktar nies li qed jemmnu fit-tim tan-nisa u qed jinvestu fih aktar minn qatt qabel. Din il-bidla bdiet tħalli l-frott, speċjalment f’dan l-istaġun.vImma dak li għandna llum ma ġiex mix-xejn. Kien hemm ħafna nies li ħadmu b’passjoni qabel u bnew pedament b’saħħtu. Huma wkoll għandhom sehem kbir f’dak li hu l-Mġarr illum – mhux biss tim, imma post fejn tħossok milqugħa u rispettata. Ir-rebħa tat-Tazza tan-Knockout kienet mument tassew speċjali – l-ewwel tazza fl-istorja tal-klabb. Kont kburija naraha sseħħ, għax nafu kemm ħdimna għaliha. Imma personali kienet ukoll diffiċli, għax kont imweġġgħa u ma stajtx inkun fuq il-ground. Ma tħossx l-istess sodisfazzjon bħal meta tkun tista’ tħalli qalbek fuq dak il-pitch.
U dik mat-tim nazzjonali Malti tan-nisa.
Il-ħin li nqatta’ mat-tim nazzjonali hu ta’ prestiġju kbir għalija. Naħseb li m’hemmx unur akbar għal atleta milli jirrappreżenta lil pajjiżu – u jien gratissima għal kull ċans li ngħatajt. Hemm grupp sabiħ ta’ plejers li verament jaħdmu għal xulxin, flimkien ma’ staff tekniku dedikat u l-assoċjazzjoni li qed tagħti l-kontribut tagħha biex it-tim ikompli javvanza. L-atmosfera hi waħda pożittiva u ta’ rispett reċiproku. Fl-aħħar snin, bdejna naraw riżultati li tassew nistgħu nkunu kburin bihom. Għad fadal ħafna xi jsir, ċertament, imma nemmen li qegħdin fit-triq it-tajba – u li, b’aktar ħidma u investiment, nistgħu naslu sa fejn forsi qatt ma ħsibna li nistgħu.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Manuela Tesse?
Kull kowċ li tkun taħdem miegħu jgħallmek xi ħaġa. Grazzi għall-kowċ Tesse, nista’ ngħid li għenitni nerġa’ nsib il-motivazzjoni tiegħi għall-futbol wara żmien fejn kont qed niddubita r-rwol tiegħi fit-tim. Kowċ Tesse għandha passjoni kbira għall-logħba, u din l-istess passjoni qed titrasferiha lilna. Ħerqana li nibqgħu naħdmu flimkien għax nemmen bis-sħiħ li taħt it-tmexxija tagħha t-tim jista’ jkompli jtejjeb il-livell tiegħu.
Niġu issa għall-punt … x’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-Jubilee Cup minn Mgarr United FC?
Ma naħsibx li kien hemm sigriet wieħed biss, imma kienet taħlita ta’ fatturi. L-ewwel nett, il-mentalità u l-għaqda tal-grupp. Din is-sena bnejna ‘dressing room’ b’karattru qawwi ħafna – li f’mumenti diffiċli, ningħaqdu aktar biex niġbdu ħabel wieħed – u dik hija xi ħaġa importanti ħafna.
Barra minn hekk, naħseb li dan is-suċċess kien il-frott tas-sagrifiċċji u x-xogħol li jsir minn wara l-kwinti. Hemm ħafna nies li jaħdmu qatigħ biex jaraw il-klabb jibqa’ jimxi ‘l quddiem u jiżviluppa b’mod sostenibbli. L-aħħar u żgur mhux l-inqas – is-sapport li qed jattira l-futbol tan-nisa li, kulma jmur, qed jiżdied. Hija xi ħaġa sabiħa ferm tara dawk in-nies jiġu jappoġġjawk u jagħtuk l-enerġija f’mumenti fejn ma tistax issibha.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa fejn tinsabu fl-ewwel post fil-klassifika?
Li nħarsu lejn il-klassifika u narawna fl-ewwel post huwa ta’ sodisfazzjon kbir u jikkonferma li l-proġett tal-klabb qed jaħdem. L-andament s’issa kien pożittiv ħafna, speċjalment il-mod kif qed nibqgħu konsistenti minn logħba għall-oħra.
Madankollu, nafu li l-kampjonat huwa twil. Li tkun fl-ewwel post iġib miegħu pressjoni differenti. L-isfida issa hija li nżommu saqajna mal-art, inżommu l-konsistenza u ma nħallux din il-pożizzjoni ttellifna l-konċentrazzjoni.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Naturalment, l-għan ewlieni huwa li nibqgħu hemm fuq u nirbħu l-kampjonat. Madankollu, it-tragward tagħna huwa li nieħdu logħba logħba u nkomplu ntejbu l-prestazzjonijiet tagħna. Irridu nibqgħu kompetittivi f’kull kompetizzjoni li qed nipparteċipaw fiha.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ryan Vella?
Kowċ Ryan huwa strumentali fis-suċċess tagħna. Huwa bniedem preparat ħafna tattikament u jaf kif iġib l-aħjar minn kull wieħed minna. Barra mil-lat tekniku, irnexxielu joħloq atmosfera pożittiva ħafna fid-dressing room li tagħtina kuraġġ kbir fil-pitch.
Irnexxielu joħloq ambjent fejn kulħadd iħossu importanti, kemm min jilgħab mill-bidu u kemm min jidħol minn fuq il-bank, u dik hija r-raġuni ewlenija għaliex it-tim qed jirrispondi daqshekk tajjeb għall-istruzzjonijiet tiegħu.
Kif ħassejtek li proprju f’Ottubru li għadda rritornajt fl-azzjoni wara injury serja u twila?
Ir-ritorn qed ikun sfida akbar milli ħsibt. Wara waqfa daqshekk twila, mhux faċli li terġa’ taqbad ir-ritmu tal-logħba mill-ewwel u tħossok parti mill-mekkaniżmu tat-tim, speċjalment meta l-iskwadra tkun għaddejja b’ritmu mgħaġġel.
Għadni qed insibha kemmxejn diffiċli biex nintegra kompletament, però rrid nirringrazzja minn qalbi lil sħabi tat-tim. Qed jagħmlu minn kollox biex jgħinuni nerġa’ nsib saqajja u nerġa’ nħossni parti minnhom. L-appoġġ tagħhom huwa kruċjali biex nerġa’ nibni l-fiduċja fija nnifsi u nerġa’ lura għal-livell li naf li kapaċi nilħaq.
Kif tqis il-livell attwali tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna?
Naħseb li l-livell qed jitjieb minn staġun għall-ieħor. F’dawn l-aħħar snin, żdiedu l-plejers barranin, u nemmen li dan għen biex jogħla l-livell tal-logħba. Qed naraw ukoll aktar kowċis kwalifikati jmexxu t-timijiet tan-nisa, u dan jgħin biex jitjieb t-taħriġ. Il-fatt li l-partiti issa jintlagħbu fi tmiem il-ġimgħa kien pass pożittiv ukoll, għax ġabet iktar struttura u serjetà fil-kompetizzjoni.
Madankollu, għad hemm sfidi li rridu nindirizzaw. Hemm distakk ċar bejn it-timijiet fil-quċċata tal-klassifika u dawk ta’ taħt. Mhux għax it-timijiet l-oħra mhumiex qed jaħdmu, imma għax mhux kulħadd għandu l-istess mezzi u appoġġ – kemm finanzjarju kif ukoll strutturali. Il-fatt li għandna biss tmien timijiet fil-kampjonat jibqa’ ta’ tħassib. Jekk timijiet ikomplu jirtiraw, il-kompetizzjoni tonqos u jkun diffiċli li nkomplu nibnu fuq il-progress li sar. Huwa ċar li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet konkreti u strateġiċi biex niżguraw futur stabbli u sostenibbli għall-futbol tan-nisa f’pajjiżna.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Meta tħares lejn il-livell ġenerali tal-grawnds fejn nilagħbu l-logħob uffiċjali, nista’ ngħid li ħafna minnhom huma f’kundizzjoni tajba u addattati biex jintlagħab il-futbol. Madankollu, għad hawn grawnds li jeħtieġu aktar attenzjoni, speċjalment f’termini ta’ manutenzjoni tal-artificial turf. F’xi każi, il-kundizzjoni ħażina tal-grawnd kienet kawża diretta ta’ injuries, xi ħaġa li ma nistgħux naċċettaw. Għalhekk, hemm bżonn ta’ sorveljanza iktar regolari u investiment kontinwu biex inżommu l-istandards tal-grawnds għoljin u konsistenti għal kulħadd.
Kif qed tħares lejn il futur tieghek fil futbol? Ghad narawk kowċ il quddiem?
Aktar milli nara lili nnifsi fir-rwol ta’ kowċ, bħalissa jinteressani aktar in-naħa amministrattiva jew ta’ tmexxija – anke għax diġà ggradwajt fil-qasam tal-isport. Fil-fatt, qed nippjana li nibda MBA dalwaqt, pass li nemmen jista’ jiftaħ aktar opportunitajiet għalija, speċjalment jekk xi darba niddeċiedi li nidħol fid-dinja tal-‘management’ sportiv.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lill-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Intom iż-żgħar għandkom xorti kbira li tilagħbu fi żmien fejn il-futbol tan-nisa f’pajjiżna qed jiżviluppa, grazzi għall-isforzi ta’ dawk li ġew qabilkom u għaddew minn ħafna sfidi biex jiksbu d-drittijiet. Qabel ma kienx hemm l-opportunitajiet li għandna illum. Għalhekk, ħu vantaġġ minnhom b’għaqal u responsabbiltà. Fuq kollox, tibżgħux mill-iżbalji – huma parti naturali mill-proċess u jagħmluh aktar sinjifikanti!

