Saturday, April 27, 2024

“Kien ikun aħjar li nħarġu vawċers minflok ċekkijiet”

Aqra wkoll

Il-Konsulent Finanzjarju, Silvan Mifsud, b’reazzjoni ma’ Talk.mt b’rabta mal-fond ta’ €70 miljun imħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa qal li huwa kien jippreferi li kieku flok ċekkijiet dan l-inċentiv kien jingħata permezz ta’ vawċers biex inżidu ċ-ċans li dawn il-flus jintefqu fl-ekonomija hawn Malta u mhux jintużaw pereżempju billi wieħed jixtri online minn barra għax “dak huwa meqjus bhala leakage għall-ekonomija u allura ma jkollux l-impatt mixtieq biex ikabbar l-ekonomija”. 

Huwa qal li jekk naraw l-iskema tal-vawċers li kellna s-sena l-oħra mill-Gvern, huwa stmat li €40 miljun li nefaq il-Gvern fil-vawċers ħallew output totali fl-ekonomija ta’ €145 miljun meta wieħed jieħu l-effetti diretti, indiretti u dawk induced. 

“Wisq probbabli, minħabba leakages li jkollok meta tibgħat ċekk ta’ flus li jistgħu jintefqu kif wieħed irid jew inkella jitfaddlu, mentri vawċer irid jiġi użat b’ċertu mod bilfors. Is-€70 miljun, wisq probabbli, se jkollhom impatt inqas fuq l-istimolu tal-ekonomija milli kellhom il-vawċers. Madanakollhu jidher ċar li l-Gvern jixtieq jilħaq żewġ għanijiet f’daqqa – dak li jistimola t-tkabbir ekonomiku u dak li jnaqqas l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet, speċjalment fuq il-faxex l-aktar vulnerabbli. Madankollu, il-Gvern irid iżomm għajnejh fissi fuq id-dejn nazzjonali li qiegħed fuq il-livell ta’ €8 biljuni u jrid jassigura li filwaqt l-jiddefendi u jkabbar l-ekonomija, ma jkollux nefqiet li jagħmlu t-tkabbir ekonomiku dipendenti fuq dawn in-nefqiet,” temm Silvan Mifsud.

Sport