F’intervista li xxandret fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-importanza ta’ Jum il-Ħaddiem proprju għall-PL. Huwa tenna li matul dawn l-aħħar snin il-pajjiż kien qed jgħix realtà fejn ix-xogħol jiġri wara n-nies. Qal li din is-sitwazzjoni hija ferm differenti minn dik li Gvern Laburista kien wiret fl-2013, meta s-sitwazzjoni kienet li n-nies kienu jiġru wara x-xogħol.
Il-Prim Ministru tenna li kien għalhekk li f’dan iż-żmien ikkaratterizzat mill-pandemija tal-Covid-19 ta importanza ugwali kemm lis-saħħa tal-poplu, u kif ukoll biex jiġu salvagwardjti l-impjiegi fil-pajjiż. Saħaq li kien għalhekk li l-Gvern nieda skemi ta’ għajnuna biex jgħin lin-negozji milqutin mill-pandemija u jassigura li dawn jibqgħu jħallsu lill-impjegati tagħhom filwaqt li ma jkunux imġegħlin ikeċċuhom.
“Issa kien il-mument fejn il-pajjiż jinvesti fil-ħaddiem u fin-negozji li f’dawn l-aħħar snin ikkontribwixxew ħafna għat-tkabbir ekonomiku li esperjenzajna,” tenna l-Prim Ministru.
Żied jisħaq li “grazzi għall-pakketti ta’ għajnuna li ġew imnedijin il-gvern għen lil 110,000 ħaddiem. Fl-istess waqt l-istess skemi salvaw viċin it-80,000 impjieg.
Fl-istess waqt tenna li hekk kif il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ jibdew jittaffew, irid li n-negozji jkunu f’pożizzjoni li fl-inqas żmien possibbli jerġgħu jibdew joperaw b’mod effettiv kemm jista’ jkun biex is-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal.