Sunday, December 22, 2024

Kien imur f’kamra ta’ tfajla taħt l-età f’nofs ta’ lejl ixejjer €50 u juriha l-parti tiegħu

lil tfajla oħra offrielha €20 wara li missilha l-warrani… kien jitfgħalhom l-ilma f’wiċċhom

Aqra wkoll

Xhieda mill-aktar dettaljata ta’ tfajliet immigranti taħt l-età, urew kif care worker li kien jaħdem fid-dar li fiha kienu qegħdin jinżammu, f’liema dar kien jinżammu kemm subien u kemm bniet, kien imur f’nofs ta’ lejl, iqajjimhom u jxejjer karta ta’ €50 waqt li jurihom il-parti privata tiegħu. Lil waħda mit-tfajliet, li kienet baxxuta taha €20 wara li missilha l-warrani. Il-Qorti ddeskriviet lil dawn it-tfajliet bħala vulnerabbli u qalet li l-verżjoni tagħhom kellha mis-sewwa. Il-careworker ta’ 61 sena, instab ħati li mess erba’ tfajliet taħt l-età mingħajr il-kunsens tagħhom u talabhom pjaċiri sesswali u b’hekk ingħata probation għal tliet snin u multa ta’ €8,000.

Tfajla ta’ sittax-il sena li xehdet bis-sistema tal-video-conferencing qalet li hi kienet ġiet Malta ftit xhur qabel ma ġara l-inċident fejn għall-bidu kienet tirrisjedi fiċ-ċentru ta’ detenzjoni u mbagħad wara giet spustata f’dar fejn jgħixu subien u bniet. Qalet li s-subien kienu fis-sular ta’ fuq u l-bniet fis-sular t’isfel. Spjegat li wieħed mill-ħaddiema kien imur fil-kamra tagħha, li kienet tkun ma’ tliet residenti oħra, u joffrilhom €50 għal pjaċiri sesswali. Tgħid illi dan kien imur fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu meta kien ikun xogħol, iqajjimha u jgħidilha biex issegwih, ixejjer il-karta ta’ €50. Hu kien jgħid xi ħaġa u jurilha l-parti tiegħu. Tgħid li ġieli kien imur anke filgħodu. Xi kultant kien iqajjimha billi jitfgħalha l-ilma ġo wiċċha. Qalet li ħaddiem soċjali kien jgħidilhom biex inaddfu ta’ spiss anke aktar minn darba fil-ġurnata għalkemm dawn kienu diġà naddfu. Tiddikjara li qatt ma aċċettat l-avvanzi tiegħu. Ikkonfermat li hu kien jgħajjat ħafna magħhom.”

Tfajla oħra wkoll ta’ sittax-il sena qalet li hi għamlet rapport għax il-ħaddiem kien imur fil-kamra tagħha billejl, jurilha €50 u jurilha l-partijiet privati tiegħu. Din il-ħaġa bdiet issir mill-ewwel ġimgħa li waslet fid-dar xi sena qabel u b’mod regolari. Dan kien isir anke meta sħabha kienu jkunu fil-kamra magħha. Tgħid ukoll li darba minnhom hija kienet inklinata biex iġġib il-ħasla u hu mar minn warajha u messilha l-warrani u offrielha nota ta’ €20 biex torqod miegħu iżda hi rrifjutat. Tgħid li iżda żammet il-flus sabiex ittihom lill-pulizija. 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li setgħet tikkontesta u tevalwa x-xhieda tal-erba’ minuri li taw it-testimonjanza tagħhom permezz tas-sistema awdjo-viżiva fejn setgħet tara l-ġenwinità ta’ dawn ix-xhieda li l-verżjonijiet tagħhom kienu pjuttost dettaljati u li fl-assjem jaqblu ma’ xulxin. Qalet li l-Qorti ma tikkondividix il-fehma tad-difiża meta tgħid li kien hemm ħafna ineżattezzi u dan għax kieku x-xhieda taghhom kienet perfettament ugwali kien ifisser illi dawn setgħu ivvintaw l-istorja.

Il-Qorti qalet li tifhem li huma kienu f’pożizzjoni ta’ vulnerabilità u dan meta mqabbel mal-fatt li l-ħaddiem kien juri s-superjorità tiegħu bl-għajjat u l-penitenzi speċjalment meta beda jara li ħadd minnhom ma kien kondixxenti għal dak li kien jitlobhom. Il-Qorti qalet li huma kienu sinċieri biżżejjed li jsostnu li l-ħaddiem kien strett ħafna magħhom fejn il-ħaddiema l-oħra ma kinux. Dan juri ħaġa waħda biss: li l-ħaddiem kien jirreaġixxi b’dak il-mod meta ma kinux joqogħdu għalih.

Ekonomija

Sport