Wednesday, December 25, 2024

“Kien jaħseb ħafna x’se jiġri minn martu u ibnu jekk jitlef il-battalja kontra l-marda”

Il-Prim Ministru Robert Abela waqt is-seduta Parlamentari fejn ingħatat tislima lil Silvio Parnis

Aqra wkoll

Mal-ftuħ tal-Parlament wara l-vaganzi tal-Milied, il-Kamra selmet il-memorja tal-ex Deputat Laburista Silvio Parnis li miet ftit tal-jiem ilu.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li fetaħ id-diskussjoni fejn sostna li Silvio Parnis iddedika ħajtu biex jagħmel il-ġid lil ħaddieħor.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li Silvio Parnis kien jaħseb ħafna dwar x’se jiġri minn Dorianne u Jacob jekk il-marda tgħelbu.

“Dakinhar li kien qalli hekk għetlu inti ffoka fuq il-kura tiegħek u mill-bqija responsabbiltà tiegħi. Dik il-kelma żammejtha u se nibqa’ nżommha mal-għeżież tiegħu,” qal il-Prim Ministru Abela.

Abela sostna li f’dawn l-aħħar ġimgħat kellna diversi seduti fejn tkellimna dwar kondoljanzi, iżda llum il-kamra kienet qed isellem lil bniedem li dejjem kien disponibbli għal kulħadd.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li Silvio kien joħloq kuxjena qawwija għal aktar batuti fis-soċjetà fejn anke permezz tal-programm televiżiv kien dejjem jagħmel il-ġid.

“Silvio ilni nafu snin. L-ewwel esperjenza qrib tiegħu kien fl-2008 meta kien hemm tibdil kbir fil-Partit Laburista. Hu ma kien jidejjaq xejn jesprimi dak li kien jemmen fih u kien jagħmlu b’mod kwat u li jirrispetta lil ħaddieħor,” sostna l-Prim Ministru.

Abela kompla jgħid li fl-2019 meta fil-Partit Laburista reġa’ kien hemm bidliet l-akbar valur li tgħallimt mingħand Silvio kien biex ma taqtax qalbek.

“Il-valur li ma taqtax qalbek kien wieħed li bqajt inġorru u bqajt nara fih sal-aħħar. Minkejja d-diffikultajiet kbar li kien għaddej minnhom baqa’ pożittiv u l-messaġġi li kien jibgħatli kien li sal-aħħar baqa’ jemmen li seta’ jgħeleb l-akbar ċirkostanzi diffiċli,” kompla jgħid il-Prim Ministru filwaqt li sostna li kellu lealta assoluta lejh.

Waqt is-seduta Parlamentari, Abela qal li Silvio Parnis kellu nkwiet kbir li ma kellux saħħa biex jaħdem u ma setax isuq.

Il-Prim Ministru sellem il-memorja tiegħu u ta l-kondoljanzi lill-familja kollha tiegħu.

Ekonomija

Sport