Sunday, December 22, 2024

Kien jgħix ħajja ta’ lussu meta fil-fatt jidher li ma kellu xejn

… tkompli l-kumpilazzjoni kontra “l-Lilu King”

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Ali Ahmed Elmushraty, Libjan ta’ 31 sena, li qed ikun mixli b’evażjoni ta’ taxxa u b’involviment fi gruppi ta’ kriminalità organizzata involuti fi traffikar ta’ droga fost oħrajn.

Fost ix-xhieda li ssejħu biex jixhdu għas-seduta tal-lum kien hemm is-Supretendent Keith Arnaud li spjega kif is-sorsi tal-pulizija indikaw li l-akkużat seta’ kien involut f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga.

Spjega li aktar kmieni din is-sena, task force bdiet issegwi lill-akkużat fejn irriżulta li dan kien qed jgħix ħajja lussuża meta jirriżulta li ma kellu xejn tant li għall-pulizija kien qisu “ħares”.

Waqt rejd fil-proprjetà tal-akkużat f’Portomaso nstabu ammont kbir ta’ trainers u ħwejjeġ lussużi. Il-Pulizija sabulu wkoll karozzi lussużi fosthom Range Rovers, tliet Mercedes u BMW.

Meta mistoqsi x’jaħdem, l-akkużat, magħruf bħala l-“Lilu King” kien qal lill-pulizija li kellu ħanut u li kien qed jipprepara sabiex jiftaħ stabbiliment ieħor. Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li f’sitt xhur, l-akkużat nefaq madwar €3,800 fi ħwejjeġ minn ħanut partikolari u li dejjem ħallas fi flus kontanti.

Fil-kontro-eżami, is-Supretendent Arnaud ikkonferma li l-akkużat ma nstabx fil-pussess tad-droga u li ma nstabux provi diretti li juru li huwa kien involut fi traffikar tad-droga.

Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-22 ta’ Awwissu li ġej.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Alfredo Mangion, Mark Anthony Mercieca u Tomjoe Farrugia megħjuna mill-Avukati Antoine Agius Bonnici u Dejan Darmanin mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Elmushraty.

Ekonomija

Sport