Tuesday, December 16, 2025

‘Kien kollox perfett: it-team, l-atmosfera, ir-riżultati … ninsab kuntent u kburi li kont parti minn dik l-istorja’ – Pavel Mraz

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-wasla ta’ Pavel Mráz f’Malta fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mir-rebħ tas-sitt tazzi storici ta’ Valletta FC fl-2000 ġabet magħha tifkiriet sbieħ ta’ perjodu li jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-futbol Malti. L-eks attakkant Ċek, imwieled fil-31 ta’ Awwissu 1968 fi Praga, kien wieħed mill-protagonisti ta’ dak l-istaġun indimentikabbli u sal-lum jitkellem dwaru b’għożża kbira. Aħna ltqajna ltaqgħet ma’ Mraz innifsu fejn irrakkuntalna l-emozzjonijiet tiegħu fiż-żmien meta kien jilgħab mat-tim mill-Belt Kapitali Maltija.

“Waħda mill-aqwa snin fil-karriera tiegħi,” jgħid Mráz mingħajr ma jaħsibha darbtejn.

“Kien kollox perfett: it-team, l-atmosfera, ir-riżultati. Ninsab kuntent u kburi li kont parti minn dik l-istorja.”

Fis-sena 2000/01, Valletta F.C. irnexxielhom jiksru r-rekord tagħhom stess tas-sena 1996/97 meta rebħu sitt kompetizzjonijiet organizzati mill-Malta Football Association (MFA).

Is-sitt kompetizzjoni – is-Centenary Cup, ġiet miżjuda dak l-istaġun biex tiċċelebra 100 sena mill-fondazzjoni tal-M.F.A. Din it-tazza prestiġjuża rat lil Valletta jgawdu rebħa kbira fuq il-avversarji tagħhom Floriana 3-1 fil-finali.

Valletta FC hu l-uniku tim li qatt rebaħ il-ħames kompetizzjonijiet oriġinali u anke s-sitt waħda : Premier League, Rothmans Trophy, Centenary Cup, Lowenbrau Cup, Super Five Cup u Super Cup.

Pavel Mraż hu mwieled fi Praga. Huwa beda l-karriera tiegħu fil-futbol fir-Repubblika Ċeka qabel ma mar jilgħab fl-Awstrija ma’ LASK u SV Ried. Bħala attakkant ta’ metru u 76 ċentimetru kien magħruf għall-intelliġenza tattika tiegħu, il-moviment bla ballun u l-abbiltà li jkun perikoluż quddiem il-lasta.

Il-vjaġġ tiegħu wasslu wkoll lejn Malta, fejn sab ambjent differenti iżda kompetittiv. L-ewwel esperjenza tiegħu kienet ma’ Sliema Wanderers, segwita minn Hibernians, qabel ma ngħaqad ma’ Valletta FC, fejn għex l-aqwa mumenti tal-karriera tiegħu. Aktar tard lagħab ukoll ma’ Nadur Youngsters f’Għawdex u reġa’ mar lura ma’ Sliema Wanderers qabel ma rtira mill-futbol professjonali fl-2003.

L-istaġun 1999/2000 jibqa’ wieħed uniku għall-partitarji ta’ Valletta FC. It-team rebaħ sitt tazzi f’sena waħda, bravura li rari jew ftit li xejn jirnexxielhom jilħqu. Mráz kien parti minn dak it-team li kien magħqud u determinat.

Meta nistaqsuh jekk hemmx goal jew partita partikolari li jiftakar, hu minnufih titnissel fih tbissima. “Ninsa ħafna affarijiet għax issa bdejt nikber hekk kif illum għandi 57 sena,” jgħid b’mod sinċier. “Imma dak li niftakar hu s-sens ta’ għaqda li kien hemm bejn il-plejer ta’ Valletta FC. Konna naħdmu għal xulxin u konna nemmnu li nistgħu nirbħu kollox.”

Skontu, is-suċċess ma ġiex minn individwi biss, iżda minn mentalità kollettiva. “Meta jkollok tim fejn kulħadd jaf x’għandu jagħmel u jpoġġi lit-team qabel kollox, ir-riżultati jiġu.”

Il-fatt li reġa’ ġie Malta għal din iċ-ċelebrazzjoni kellu wkoll tifsira emozzjonali. “Kien sabiħ nerġa’ nara lil sħabi ta’ dak iż-żmien u n-nies li għadhom jiftakru fina. Dan jurik kemm dak l-istaġun ħalla impatt.”

Il-futbol illum hu differenti ħafna minn dak li kien jilgħab Mráz. “Inbidel ħafna tattikament,” jgħid. “Illum kollox hu studjat fid-dettall. Hemm ħafna aktar gowls, sistemi differenti u preparazzjoni xjentifika.”

Skontu, il-logħba saret aktar mgħaġġla u organizzata, iżda forsi tilfet ftit mill-ispontaneità. “Qabel kont tħoss aktar libertà fil-grawnd. Illum trid issegwi pjan ċar ħafna. Mhux aħjar jew agħar, imma differenti.”

Wara li temm il-karriera tiegħu bħala plejer, Mráz ipprova wkoll il-kowċing. “Ippruvajt għal sena f’pajjiżi fir-Repubblika Ċeka,” jgħid, “imma qatt ma ħarriġt tim tal-ewwel livell.”

Illum il-ġurnata, hu sab is-sejħa tiegħu f’qasam ieħor. “Għandi akkademja tal-futbol fi Praga b’madwar 60 tifel u tifla,” jgħid b’kburija. “Naħdem mat-tfal u dan jagħtini sodisfazzjon kbir.”

Mistoqsi jekk qattx ikkunsidra li jkun kowċ f’Malta, hu jwieġeb b’mod ċar. “Le, mhux coach ta’ first team. Indunajt li aħjar inkun mat-tfal. It-tfal jagħtuni ħajja sabiħa.”

Skont Mráz, ix-xogħol mat-tfal u ż-żgħażagħ mhux biss dwar il-futbol, iżda wkoll dwar il-valuri. “Titgħallem kif tmexxi, kif tirrispetta, kif taħdem f’tim. Dawn huma affarijiet importanti fil-ħajja.”

Fl-aħħar tal-intervista, Pavel Mráz ried iwassal messaġġ ċar lit-tfal u ż-żgħażagħ li joħolmu li jsiru futbolers professjonali.

“Jekk trid tkun professjonali, trid tagħmel kollox 100 fil-mija,” jgħid. “Mhux biżżejjed li tmur it-taħriġ. Trid taħdem fuq l-istil ta’ ħajja tiegħek ukoll.”

Hu jenfasizza li s-suċċess jiġi biss b’dedikazzjoni sħiħa. “Jekk tassew trid, trid taħdem għalik innifsek, tagħmel sagrifiċċji u tibqa’ konsistenti. It-talent waħdu qatt mhu biżżejjed.”

Il-preżenza ta’ Pavel Mráz f’Malta għall-25 anniversarju tas-sitt tazzi ta’ Valletta FC kienet tfakkira ħajja ta’ kapitlu glorjuż fil-futbol Malti. Għalkemm illum jinsab ’il bogħod mill-grawnds bħala plejer jew kowċ ta’ timijiet kbar, l-impatt tiegħu jibqa’ jinħass kemm fil-memorji tal-partitarji ta’ Valletta, kif ukoll fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum mat-tfal fi Praga.

Għalih, il-futbol għadu passjoni, iżda llum qed jgħixha b’mod differenti: billi jgħin lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda joħolmu, jaħdmu u forsi xi darba jgħixu mumenti sbieħ bħalma għex hu fl-aqwa snin tal-karriera tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport