Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-għawm?
Bdejt ngħum minn età żgħira ħafna, ta’ erba’ snin, ma’ Neptunes WPSC. Ħija l-kbir kien diġà għawwiem ma’ Neptunes, u jien segwejt il-passi tiegħu. Mill-ewwel sessjonijiet sirt inħobb ħafna dan l-isport. Tul is-snin kont nieħu sehem ukoll fil-kompetizzjonijiet tat-triathlon, iżda l-għawm dejjem baqa’ l-passjoni ewlenija tiegħi. Mort ukoll l-Iskola Nazzjonali tal-Isport bħala għawwiema.
X’tikkummenta fuq l-aħħar rekord nazzjonali li ksirt?
Kien mument li qatt mhu se ninsa. Għalkemm dan kien is-seba’ rekord nazzjonali tiegħi, kien l-ewwel rekord nazzjonali individwali, u għalhekk għandu sinjiifikat speċjali ħafna. Tul is-snin irbaħt numru kbir ta’ midalji. Kull midalja kienet mument uniku ta’ kburija u ferħ, iżda li tistabbilixxi Rekord Nazzjonali huwa sentiment kompletament differenti.
Dawn il-kompetizzjonijiet huma impenjattivi ħafna. Aħna n-Neptunes ħafna drabi rridu ngħumu diversi ‘events’ biex ngħinu lit-tim, u dan inevitabbilment jaffettwa l-prestazzjoni individwali.
Is-Sibt kelli ħames tlielaq wara xulxin u kont eżawrita. Il-Head Coach induna li kont f’kundizzjoni tajba għall-200m Backstroke li kellha ssir l-għada l-Ħadd, iżda l-Ħadd kelli żewġ events oħra qabel din l-event. Huwa ssuġġerixxa li ladarba hemm għawwiema oħra tat-tim li setgħu jirbħu d-deheb jien stajt niffoka l-attenzjoni tiegħi fuq it-200m backstroke. Dan wassal biex jien nirbaħ il-final kif ukoll nagħmel ir-rekord.
Dik il-ħidma kollettiva għamlet differenza. Ilni naħdem ħafna fuq dan l-event taħt il-Head Coach il-ġdid, u l-progress f’perjodu qasir inħass tassew. Kont fis-seba’ sema, u hekk ukoll it-tim u l-coach. Bħal dejjem, bħala persuna metikoluża ħafna, il-coach innota minnufih fejn nistgħu ntejbu aktar. L-enerġija u l-għarfien li ġab fil-klabb huma straordinarji, u jien eċċitata għall-futur. Dan ir-rekord żiedli l-kunfidenza b’mod notevoli.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Neptunes.
Jien ili ma’ Neptunes minn meta kelli erba’ snin. Għalkemm ngħix Marsaskala, nivvjaġġa lejn il‑Ballutta u lura darbtejn kuljum — u dan waħdu juri kemm dan il-klabb ifisser għalija. Jien bħala persuna magħmula nfittex l‑eċċellenza u l‑ambizzjoni u dan sibtu fil-klabb tiegħi Neptunes.
Il‑klabb jinvesti ħafna fina l-għawwiema, coaches ta’ livell għoli b’għarfien tekniku qawwi, esperjenza ma’ atleti ta’ livell għoli, u fehim profond tal-isport. Jinvesti wkoll fit-tagħmir bħal power buckets, cameras taħt l-ilma, apparat għas‑stroke rate, u issa anke pixxina ġdida.
Neptunes joffrilna wkoll appoġġ finanzjarju, inkluż meta nikkompetu barra, permezz ta’ skemi li jgħinuna nkomplu ntejbu u nimbuttaw lilna nfusna. Huwa ambjent ta’ high‑performance b’livell għoli ta’ dixxiplina u standards. Jien kburija ħafna li nirrappreżenta lil Neptunes.
Kif tqis il-livell tal-għawm f’Malta bħalissa?
Żgur li hemm lok għal titjib, iżda qed nara progress pożittiv. L-għawm huwa sport impenjattiv ħafna — nqumu fil-għodu kmieni ħafna, inkunu fil-pixxina fis-5:30am f’kull tip ta’ temp, nerġgħu nitħarrġu wara nofsinhar, u bejn kollox irridu nibbilanċjaw l-iskola u x-xogħol tal-iskola. M’hemmx kumpens finanzjarju reali, u għalhekk trid tħobb tassew l-isport u jkollok xewqa kbira li ttejjeb u tirrappreżenta lil Malta.
Fortunatament, ġewwa Neptunes għandna ħafna appoġġ. Hemm struttura soda, jgħinuna nibbilanċjaw it-taħriġ mal-iskola, u jiżguraw li niżviluppaw b’ritmu tajjeb. Sfortunatament, hawn tendenza li meta għawwiema jilħqu l-età ta’ madwar 17 -il sena, ħafna jieqfu. Naħseb li dan ġej minn diversi fatturi: ħajja soċjali, l‑università, burnout, u tnaqqis fil‑prestazzjoni.
Neptunes ma jpoġġiniex taħt pressjoni żejda minn eta’ żgħira. Il-filosofija hi ċara: ma hemmx bżonn inkunu champions ta’ 12-il sena — irridu niżviluppaw b’mod tekniku u fiżiku tajjeb sabiex nilħqu l-quċċata fil-mument opportun. Jien nemmen li din hija l-attitudni li għandha tkompli tissaħħaħ, għax minn din l-età ’l quddiem, il-ġisem jibda jiżviluppa aktar u l-għawwiema jilħqu l-aqwa tagħhom madwar l-età ta’ 22 sena. Għalhekk irridu nżommu aktar żgħażagħ fl-isport wara l-età ta’ 18.
Jien inħoss li qed nasal f’dik il-fażi issa, u l-fatt li ksibt l-ewwel rekord nazzjonali individwali tiegħi jagħtini motivazzjoni kbira biex inkompli. Ix-xewqa tiegħi hi li nasal aktar ‘il quddiem fl-għawm, u nara l-livell tal-għawm Malti fuq livell internazzjonali.
X’tikkummenta rigward ir-riżorsi u l-faċilitajiet tat-taħriġ f’pajjiżna?
Il-ħajja kollha tħarriġt f’pixxina barra. Għodwa kisħin u bix-xita kienu dejjem iebsa, u dejjem xtaqt pixxina ġewwa. Issa Neptunes għandu ż‑żewġ għażliet. Ironikament, indunajt li nippreferi nitħarreġ fil-pixxina ta’ barra tal-Ballutta — hemm inħossni qisni d-dar.
Il-pixxina għandha 30 sena, u Neptunes jżommha f’kundizzjoni eċċellenti. It-tim kiber ħafna, u idealment ikollna locker rooms u spazji interni akbar, iżda l-ispazju huwa dak li hu. Minkejja dan, dejjem ikollna kollox li għandna bżonn. Kull meta l-coaches jitolbu tagħmir, Neptunes jipprovdih malajr: apparat għas‑stroke rate, cameras taħt l‑ilma, iPads, tagħmir għall-analiżi, power equipment — saħansitra analiżi taħt l-ilma barra minn Malta.
Għamilna wkoll training camps barra minn Malta u hemm il-ħsieb għal aktar. Waqt dawn nitħarrġu taħt coaches full‑time li huma ddedikati kompletament għalina.
Għalkemm illum hawn aktar pixxini f’Malta, jien nemmen li r-riżorsa l-aktar importanti hija r‑rieda interna u l-espożizzjoni għal aktar kompetizzjonijiet internazzjonali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport?
Se nkompli naħdem b’dedikazzjoni sħiħa. L-għawm huwa sport rispettat ħafna u nittama li jkompli jikber f’Malta. Bħal kull atleta impenjat, il-ħolma tiegħi hija li nirrappreżenta lil Malta fl-ogħla livelli u nikseb riżultati li jqajmu l-profil tal-pajjiżna fuq livell internazzjonali. Nara futur fejn inkompli ntejjeb, nirnexxi, u nkun ta’ eżempju għall-ġenerazzjoni iżgħar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-għawm.
Il‑messaġġ tiegħi huwa sempliċi: ibda. L-għawm huwa sport mill‑aqwa — kultant iebes u mimli sfidi, iżda sodisfaċenti ħafna. Il-progress li tara hu ta’ motivazzjoni kbira. Li tgħum waqt ix‑xemx titla’ kuljum hija esperjenza sabiħa ħafna. Nirrakkomandah lil kulħadd, anke għal raġunijiet ta’ sigurtà. Ngħixu fuq gżira, u kulħadd għandu jkun jaf jgħum.
Għal min jagħmlu kompetittivament: aħdem b’rieda, żomm id-dixxiplina, afda fil-coaches tiegħek, u emmen fil-potenzjal tiegħek dejjem.
Kif tista’ tara, napprezza b’mod immens dak kollu li jagħtuni Neptunes u l-coaches tiegħi, u nkun dejjem grata għal kull opportunità li jaghtuni u li nagħti l-aħjar tiegħi. Iżda nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk in-nies li verament għamlu dan kollu possibbli għalija — il-persuni li qegħdin warajja f’kull mument, li jemmnu fija aktar minn kemm kultant nemmen jien stess, u li jorganizzaw ħajjithom madwari biex jagħtuni l-appoġġ kollu li neħtieġ.
Dawk in-nies huma l-familja tiegħi. Huma l-akbar partitarji tiegħi, is-saħħa tiegħi, u r-raġuni għaliex nista’ nkompli noħlom u naħdem biex nilħaq l-għanijiet tiegħi. Għalihom, għandi gratitudni li qatt ma nista’ nispjega biżżejjed.

