Hekk kif fil-Qorti ta’ Għawdex bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Anthony Said ta’ 51 sena residenti l-Fontana li jinsab mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u kannabis li kienu wkoll għal skop ta’ traffikar, il-Prosekuzzjoni bdiet tressaq l-ewwel provi tagħha.
Tliet uffiċjali tal-Pulizija fix-xhieda tagħhom spjegaw fil-Qorti li fil-15 ta’ Lulju kien sar rejd għad-droga f’residenza fi Triq l-Isptar San Ġiljan, il-Fontana. Xehdu li hekk kif daħlu fil-post indikat sabu lil Said u lis-sieħba tiegħu, fejn huwa mill-ewwel beda jikkopera mal-pulizija.
Qalu li fil-post imsemmi sabu traċċi tad-droga u hekk kif talbu lill-imputat jgħidilhom fejn għandu aktar droga indikalhom minn jeddu garaxx ieħor.
L-uffiċjali tal-pulizija komplew jispjegaw li fil-garaxx instabu traċċi ta’ sustanza bajda u ħadra u anke xi straws li allegatament jintużaw fid-droga.
Wara x-xhieda tal-uffiċjali tal-Pulizija, l-Avukat Difensur Daniel Calleja għamel talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Said.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa għal din it-talba minħabba l-fatt li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin filwaqt li għad iridu jixhdu aktar persuni kif ukoll li l-imputat mhux affidabbli.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Calleja fakkar li Said s’issa għadu meqjus innoċenti u ma tistax tgħid li bniedem mhux affidabbli minħabba li tressaq il-Qorti. Qal li l-klijent tiegħu għandu xogħol fiss u aktar ma jdum il-ħabs hemm ċans kbir li jitlef dan ix-xogħol. Dr Calleja qal li l-klijent tiegħu lest li joqgħod għal kull kundizzjoni mposta fuqu mill-Qorti.
Dwar il-ħelsien mill-arrest, xehdet oħt l-imputat li qalet li hija lesta tagħmel tajjeb għal ħuha u anke tieħu ħsiebu hi.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech qal li se jkun qiegħed jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar il-ħelsien mill-arrest permezz ta’ digriet li mistenni jingħata fil-jiem li ġejjin.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Mercieca u Mario Xiberras flimkien mal-Avukat Clive Aquilina mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukat Daniel Calleja qed imexxi d-difiża.