Friday, May 9, 2025

Kien staġun pożittiv xorta waħda, avolja ma ksibniex il-promozzjoni għall-punt wieħed biss – Xavier Saliba

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Tista’ tgħid li l-imħabba tiegħi lejn il-futbol kienet minn dejjem. Minn żgħir kont dejjem nilgħab bil-ballun kullimkien, id-dar, il-bandli, fil-pitch tal-boċċi, fuq iz-zuntier tal-knisja, fit-triq, l-iskola, f’xi għelieqi, il-grawnd tal-futball u lanqas nieqaf insemmi. F’kelma waħda konna nittrasformaw kull fejn inkunu fi grawnd tal-futbol! Tista’ tgħid li apparti li nilagħbu kont inħobb narah u nisimgħu ukoll … dak iż-żmien ma kienx hawn il-faċilitá tal-lum biex tara logħba u ħafna drabi kont tispiċċa tismagħha fuq ir-radju!

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ San Ġwann FC.

L-esperjenza tiegħi bħala kowċ mal-klabb ta’ San Ġwann hija wahda li se tibqa ġo qalbi għal dejjem! Bdiet fl-2016 fin-nursery tal-klabb fejn kelli t-tfal tal-Under 8 biex imbagħad fl-2019 kont maħtur bħala assistant coach tat-tim tal-kbar u anke kowċ tal-Under 21. F’ Jannar tal-2023 kont maħtur bħala ‘head coach’ tat-tim tal-kbar. Din kienet ħolma li saret realtá għalija. San Ġwann huwa raħal twelidi u meta kont żgħir u anke ġuvni kont immur nara l-logħob ta San Ġwann FC sa minn żmien il-grawnd ta’ Pace Grasso … li nkun il-kowċ tat-tim ta’ raħal twelidi, għalija huwa ta’ sodisfazzjon kbir!

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadu kif intemm kien wieħed pozittiv meta tieħdu minn fejn tlaqna iżda mill-banda l-oħra meta tqis kemm konna viċin li niksbu l-promozzjoni spiċċa fuq nota negattiva! 

Bdejna l-istaġun taghna bi problemi ta’ reġistrazzjoni tal-plejers barrannin fejn saħansitra lgħabna tliet logħbiet tal-kampjonat mingħajr barranin li fihom ħadna biss erba’ punti! 

Bejn dawk it-tliet logħbiet kellna wkoll il-logħba tal-Amateur Cup fejn fiha tlifna u ġejna elliminati mill-ewwel! 

L-iskwadra iżda baqgħet taħdem u bdiet dejjem tinħoloq atmosfera pożittiva bi grupp ta’ plejers magħqudin li għandhom għan wieħed, tant u hekk li kellna serje tajba ħafna ta’ riżultati pożittivi fejn għamilna mit-tielet logħba sas-16-il waħda bla telfa u tlajna fil-quċċata tal-klassifika. 

Sfortunatament, il-logħob numru 17 u 18 kienu t-‘turning point’ fin-negattiv tal- kampjonat tagħna, fejn fihom ħadna żewġ telfiet li bihom spiċċajna fit-tielet post li jfisser barra miż-żona tal-promozzjoni! 

Xorta waħda l-iskwadra baqgħet taħdem u temmen li tista’ tagħmilha avolja d-destin ma kienx għadu f’idejna. Irbaħna l-aħħar żewġ logħbiet, liema rebħiet iżda ma kinux biżżejjed biex niġu promossi, u b’hekk għalaqna fit-tielet post tal- klassifika – punt wieħed biss taħt dawk tal-ewwel u t-tieni post!  

Nixtieq nagħlaq billi ngħid grazzi kbira lill-plejers li dejjem segwew dak li ridt minnhom b’commitment professjonali u talli dejjem taw qalbom fill-grawnd! 

Grazzi kbira tmur ukoll lill-istaff tekniku kollu li dejjem ħadem qatigħ u anke lill- kumitat tax-xogħol tiegħu! 

Finalment, grazzi lill-mara u lit-tifel tiegħi tas-sapport kontinwu li jagħtuni u talli jifhmu dak il-ħin kollu li nagħmel ‘il bogħod mid-dar!

Kif tqis il livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol Malti għaddej minn transizzjoni fil-mument … transizzjoni li ilha għaddejja naqra mhux ħażin. Dan kollu qed isir biex jitjieb il-livell tal-futbol lokali kemm fuq livell ta’ klabbs u anke fuq dak tan-Nazzjonal. Nemmen li matul iż-żmien l-għarfien tal-logħba kiber drastikament u l-istrutturi fejn jidħol staff tekniku kiber ukoll. Bħala livell ta’ plejers dejjem ikun hawn min jgħid li qabel kienu aħjar u bil-kontra, biss peró li hu żgur hu li l-logħba nnifisha nbidlet allura ċerti paraguni jkunu diffiċli biex isiru!

Jekk ikolli nawgura xi ħaġa li ma tibqax issir daqshekk ta’ spiss hija r-riformi tal-kampjonati lokali għax sar wisq tibdil fl-aħħar snin, fl-opinjoni tiegħi! 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Din hija waħda mill-ikbar problemi li għandna f’dan il-pajjiż! Jien se nġib l-eżempju bina stess … aħna nittrenjaw tliet darbiet minn ħamsa f’nofs grawnd u l-grawnd tagħna kollu minnu nnifsu diġá huwa żgħir bħala daqs. Min-naħa l-oħra, fejn jidħol dak kollu li hemm mal-madwar imbagħad għandna riżorsi tajbin ħafna li hawn klabbs stabbiliti li m’għandhomx ! 

Rigward il-grawnds li nilagħbu l-logħob tal-kampjonat fihom bejn grawnd u ieħor hemm naqra ta’ differenzi mhux ħażin. Hemm differenzi kemm strutturali kif ukoll bħala qisien tal-‘pitches’ infushom! Bħal kollox ċerti grawnds għandhom bżonn titjib (‘upgrade’) fl-istruttura tagħhom, avolja bħala artijiet (il-ħaxix artifiċjali) qegħdin f’livell tajjeb.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq nibqa’ nikber kemm bħala kowċ u kif ukoll bħala raġel! Naf li biex dan isir hemm ħafna sagrifiċċji xi jsiru u jien lest li nagħmilhom, dejjem bl-għajnuna tal-familja tiegħi li jissapportjani kontinwament! Irrid inkompli nitjieb fuq livell edukattiv billi nagħmel il-korsijiet tal-kowċing meħtieġa u naġġorna ruħi kontinwament, imbagħad il-futur Alla biss jafu! 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Messaġġ importanti li nixtieq ngħaddi huwa l-istess messaġġ li ngħaddi liż-żgħażagħ tagħna: Biex tirnexxu fil-futbol u f’kull karriera oħra, tridu tkunu lesti tagħmlu s-sagriffiċji meħtieġa! Tridu tkunu sodi biex mal-ewwel intoppi ma tarmux ix-xugaman imma ixxammru l-kmiem ħa tkomplu taħdmu!

Oħorġu mill-‘comfort zones’ li qegħdin fihom għax xejn ma jiġi waħdu fil-ħajja … it-taraġ tridu titilgħuh tarġa tarġa, għax finalment b’ħafna xogħol u bi ftit xorti dejjem tiġi ppremjat fil-ħajja!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport