Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Ilni involut fil-waterpolo min età’ żgħira dejjem fil-klabb ta San Ġiljan. Kont nilgħab għal xi ftit snin fis-sezzjonijiet minuri. Dak iż-żmien in-nurseries ma kinux kif huma llum, faċilitajiet ma kienx hawn u tilgħab fis-sajf biss. Kont minn dejjem interessat fl-amministrazzjoni sportiva u kont involut fil-futbol, basketball u sport akwatiku. Dan dejjem għalija jibqa’ l-isbaħ sport. F’dawn l-aħħar snin kelli sodisfazzjonijiet sbieħ kemm ma’ San Ġiljan u anke fit-terminu tiegħi kollu ta’ tliet snin mal-ASA.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tat-Treble permezz tar-rebħ tal-Kampjonat tax-Xitwa, il-Kampjonat tas-Sajf u n-Knock-Out minn San Ġiljan ASC?
Għalija personali kien suċċess kbir wara li rritornajt mal-klabb ta’ San Ġiljan wara waqfien ta’ ħames snin, fejn ukoll servejt bħala viċi-president tal-ASA. Peró, dan mhuwiex suċċess individwali imma wieħed kollettiv. Il-kumitat, plejers, tim tekniku u partitarji. Wara ħafna turbolenzi fl-ewwel xhur tas-sena fejn saħansitra biddilna tliet kowċis, sibna saqajna u wara r-rebħ tal-Kampjonat tax-Xitwa, it-tir tagħna kien li nerġgħu nirbħu t-Tazzi prinċipali tas-Sajf, f’dan li huwa ċ-Ċentenarju mit-twaqqif tal-ASA. Huwa unur li f’dan iċ-Ċentinarju, irbahna t-tliet Tazzi ewlenin li joffri dan l-isport.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Segretarju ta’ San Ġiljan ASC.
Ix-xogħol ta’ Segretarju huwa wieħed amministrattiv, ftit jidħol fit-tekniku mal-kowċis jew tim tekniku. Dak għandna nies apposta bħal Alfredo u Claudio Spiteri Debarra li jmexxu tajjeb dan is-settur, Brian u Matthew man-nursery u Chris u jiena man-nisa. L-esperjenza ta’ Mark anke fl-isport internazzjonali tgħin lil dan il-kumitat biex anke niddiskutu u nanalizzaw kull sitwazzjoni li jkollna u nieħdu deċiżjonijet favur il-klabb. Il-kumitat huwa immexxi ferm tajjeb mill-president enerġetiku Peter Bonavia, Kevin D’Ugo bħala teżorier, xogħol diffiċli ħafna, u jiena bħala Segretarju.
Importanti li bħala Segretarju tibqa’ viġilanti fuq ir-regoli, dixxiplina u tibdiliet li tkun qed tagħmel l-ASA minn żmien għall-iehor sabiex ma tinqabadx f’pożizzjoni fejn tista’ anke titlef partita jew kampjonat fuq il-mejda, u mill-attakki ta’ klabbs oħra. Nirringrazzja hawnhekk lill-kumitat kollu għax-xogħol siewi li jagħmel għax mingħajr dawn in-nies, kollha volontarji, ma jkunx hemm klabb.
X’sehem kellu l-plejer Awstraljan ta’ fama mondjali, Aaron Younger, f’dawn is-suċċessi, liema plejer issa se jkun qed jirtira mill-waterpolo?
Aaron kellu sehem kbir, mhux biss waqt il-logħob imma anke barra. Bħala plejer professjonali tara kemm jgħin lil sħabu barra l-logħba, fit-taħriġ, u anke kif iġib ruħu fil-ħin liberu. Huwa ta’ eżempju kbir għal sħabu u għall-plejers żgħar kollha tagħna. Kien wieħed mill-aqwa plejers fl-Ewropa għal dawn l-aħħar snin u huwa ta’ privileġġ li Aaron temm karriera hekk kbira, rebbieħ ta’ diversi unuri, hawn Malta ma’ San Ġiljan. Ħasra li se jieqaf għax nemmen li għad fadallu x’joffri lill-waterpolo, peró dik hija deċiżjoni tal-familja u nirrispettaw dik id-deċiżjoni.
X’tikkummenta fuq il-fatt li din is-sena kellkom tliet kowcis differenti?
Mhux gost u pjacir li tibdel jew twaqqaf kowċ. L-ewwel tnejn inbidlu għal raġunijiet differenti u fl-aħħar sibna lil Giorgos Katsaounis. Dan nistgħu nghidu kienet mossa tattika kbira min-naħa tat-tim tekniku tagħna. Ħadd ma kien jaf b’dan il-kowċ qabel ma ġie Malta u fi ftit sigħat għalaqna miegħu u kien hawn Malta fi ftit jiem. Ta’ min jgħid u nirringrazzjaw ukoll lill-familja tiegħu, speċjalment lill-mara tiegħu, li f’mument diffiċli għalihom telaq pajjizu u ġie hawn.
Kuntenti li t-tnejn jinsabu Malta ferħanin u issa wkoll kellhom l-ewwel tarbija tagħhom Malta. Giorgos ħalla impatt immedjat, tlifna logħba waħda biss u f’ħames xhur irbaħna tlett Tazzi. Inkluz Kampjonat tax-Xitwa li deher mitluf qabel ma wasal Giorgos. Testament tad-dedikazzjoni, dixxiplina u teknika ta’ Giorgos li għaraf joħroġ l-aħjar mill-plejers tiegħu, li kien ra biss fuq filmati minn youtube qabel ma’ fi 48 siegħa minn mindu wasal Malta, wara sessjoni ta taħriġ waħda, għeleb lis-Sliema fl-ewwel logħba tiegħu.
X’tikkummenta dwar il-Pixxina ta’ San Ġiljan, issa li ħareġ il-permess meħtieġ mill-ERA?
Dan huwa pass kbir ‘il quddiem. Konna ilna snin twal għaddejjin mill-applikazzjonijiet differenti. Issa l-ERA tat il-permess tagħha biex jitkompla l-proċess tal-applikazzjoni mal-Awtoritá tal-Ippjanar. Dan ma jfissirx li t-triq lesta, anzi issa jibda proċess ieħor, peró konvinti li ġaladarba l-ERA tat il-kunsens tagħha, it-triq ‘il quddiem għandha tkun waħda b’inqas skossi.
Nisperaw issa li ġej il-Budget, li ż-żewġ Partiti l-kbar ipoġġu dan il-proġett fil-quċċata tal-aġenda sportiva tagħhom u jimbuttaw bis-sħiħ sabiex minn issa ikollna l-fondi neċessarji ħalli s-sena d-dieħla ikun jista’ jingħalaq il-proċess tal-permess u nibdew ix-xogħlijiet mill-aktar fis possibli. Nappella lid-Deputati u l-Ministri kollha tad-distrett sabiex jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dan il-proġett li ilu mwiegħed għal għexieren ta’ snin biex sa fl-aħħar dan il-proġett iseħħ.
X’tikkummenta fuq il-fatt li din is-sena rbaħtu wkoll il-Kampjonat ta’ taħt is-16-il sena?
In-nursery tibqa’ parti importanti ta’ kull klabb. Għalina mhux inqas. Ninvestu ħafna ħin u flus fin-nursery, kowċis, taħriġ, attivitajiet u affarijiet oħra. Din is-sena reġa’ kellna ġemellaġġ ma’ Marsaskala ASC fejn dħalna fil-Kampjonat ta’ taħt is-16-il sena bħala San Ġiljan ASC. Hawnhekk grazzi wkoll għat-tibdil fil-kowċ fejn Marko Martinic ħa r-riedni tat-tim mill-kowċ ta’ qabel, irnexxielu jgħaqqad it-tim u jwassal għar-rebħ ta’ dan il-Kampjonat. Kien suċċess kbir meta tqis li t-timijiet l-oħra dejjem iqisu lil San Ġiljan bħala nursery żgħira u mingħajr suċċess. Irbaħna dan il-kampjonat għax emminna fit-tfal u wassalnihom biex anke huma jkunu parti miċ-ċelebrazzjonijiet taċ-Ċentinarju.
Huwa fatt magħruf li xi plejers importanti ta’ San Ġiljan m’għadhomx żgħar fl-etá. X’se jkun il-futur tagħhom?
Din ma narahiex bħala problema. Dawn il-plejers għadhom validissimi u għad fadlilhom x’joffru lil San Ġiljan ASC .., inkluż li jrawmu lill-plejers żgħar ħalli nkomplu ntellgħu plejers minn tagħna. Hemm ħafna talent fin-nursery u nħarsu ‘l quddiem biex dawn ikomplu jagħmlu parti minn San Ġiljan ASC.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Il-livell mingħajr dubju għola ħafna. Dan dejjem grazzi għall-klabbs li jibqgħu jinvestu fit-timijiet tagħhom u anke lill-ASA li tkompli toffri opportunitajiet liż-żgħażagħ u timijiet diversi tal-waterpolo.
U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Hawn fadal xi jsir. Hemm bżonn iktar investiment fejn il-klabbs ikollhom il-pixxini tagħhom biex hekk il-Pixxina Nazzjonali tintuża għal iktar logħob u mhux taħriġ. Hemm bżonn ninvestu wkoll fl-edukazzjoni, kemm dik tal-kowċis billi ndaħħlu sistema ta’ ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni u wkoll fir-referees. Mhux sigriet li l-għażla tar-referees qed iktar ma jmur iż-żmien tonqos. Ir-referees li għandna jaqdu dmirhom tajjeb ħafna u anke huma fost l-aqwa referees fl-Ewropa, iżda jekk irridu nilagħbu iktar u b’kampjonat itwal allura rridu iktar referees.
Tħoss li hawn biżżejjed kuxjenza rigward il-waterpolo f’Malta u Għawdex?
Ma naħsibx u hawn fejn hemm bzonn l-ASA tinvesti iktar. Anke sempliċiment promozzjonijiet fl-iskejjel, billboards u reklamar ieħor. Hemm bżonn ‘outreach’ iktar b’saħħtu li jilħaq iktar tfal. U hemm bżonn li l-logħba tiġi reklamata iktar. Kien ta’ pjaċir tara li fil-finali kin hemm attendenzi kbar. Dan hemm bzonn li nużawh u nuru kemm l-isport tal-waterpolo huwa sabiħ.
Kif qed tħares lejn il futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-waterpolo?
Jien għalissa għadni u ħa nibqa Segretarju ta’ San Ġiljan ASC. M’għandix aspirazzjonijiet sportivi oħra. Nixtieq nara li l-proġett iseħħ għax dan ikun legat mill-aqwa għall-isport tal-waterpolo u għall-komunitá Ġiljaniża.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Nemmen li bħala sport huwa wieħed mill-aktar diffiċli fiżikament, però li jħalli sodisfazzjon kbir. Kull min jitħajjar biex jipprattika xi sport akwatiku għandi jiġi inkoraġġit bis-sħiħ u jaqbad wieħed mid-dixxiplini fl-isport akwatiku.
Nagħmel appell lill-ġenituri biex ma jħarsux biss lejn il-faxxinu ta’ dixxiplini sportivi u dak biss li jaraw fuq it-televixin. Hemm iktar minn hekk. L-isport jagħtik ukoll is-saħħa mentali u nemmen li sport akwatiku huwa l-aqwa f’dan is-sens. Appell ukoll lil dawk li jixtiequ jgħinu lill-klabb tagħhom. Kunu parteċipi għax hemm bżonn iktar nies u ideat sabiex bħala klabb, federazzjoni u nazzjon nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna!