Wara l-iżviluppi tal-bieraħ fil-Qorti, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-preżunzjoni tal-innoċenza kienet u għadha hemm wara d-digriet mogħti tal-prima facie.
Huwa qal li l-Qorti qalet b’mod ċar li ma kienet qed tistabbilixxi l-ebda sejbien ta’ ħtija fil-konfront ta’ ħadd. F’intervista mat-Times of Malta, il-Prim Ministru qal li d-digriet inkwantu jikkonċerna lil Chris Fearne nissel fih sens ta’ niket.
“Fi Chris dejjem sibt spalla. Ħdimna l-aktar perjodu diffiċli flimkien – il-pandemija – meta kien Ministru tas-Saħħa,” qal Dr Abela. Dwar il-konċessjoni ta’ Steward, il-Prim Ministru sostna li jaf kif ħadem Chris Fearne.
Qal li l-istess turija ta’ fiduċja li kelli fih għadha hemm sal-lum jekk mhux issaħħet iżjed u tibqa’ hemm ukoll. “Għax naf kif ħadem. Naf id-deċiżjonijiet dwar dan il-każ x’kienu. Naf il-kuntest. Għaldaqstant għalija kien ta’ dispjaċir nara dik id-deċiżjoni. Filwaqt li ma ppronunzjat bl-ebda mod xi ħtija dwaru, kont għadni qed nittama bis-saħħa li hu jista’ jkun in-nominat ta’ pajjiżna għal Kummissarju Ewropew.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar l-irġulija ta’ Fearne li toħroġ mill-fatt li reġa’ poġġa l-pajjiż l-ewwel, meta stqarr li l-pajjiż ma jistax jibqa’ mingħajr Deputat Prim Ministru u ħa dik id-deċiżjoni.
Il-Prim Ministru qal ukoll li sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa se jħabbar min se jkun in-nominat ta’ pajjiżna għall-Kummissarju Ewropew