Fl-aħħar sigħat bosta kienu dawk il-persuni li urew is-sogħba għall-mewt tal-attur Frank Tanti, b’mod speċjali studenti u persuni oħra li ħadmu miegħu matul xi produzzjoni.
Tanti, veteran tat-teatru u t-televiżjoni, ħalla din id-dinja fl-età ta’ 72 sena.
Bosta persuni sellmu l-memorja tiegħu u ddeskrivewh bħala bniedem ta’ ispirazzjoni kbira li dejjem ħadem kemm felaħ fil-qasam tal-palk.
Ma naqsux għadd kbir ta’ messaġġi mill-istudenti tiegħu fejn irringrazzjawh tat-tagħlim siewi tiegħu, tal-opportunitajiet kollha u fuq kollox talli kien dak li emmen fihom.
Waħda mill-istudenti tiegħu kitbet fuq il-midja soċjali: “Wieħed mill-ftit għalliema li fil-fatt ra potenzjal fija u ried l-aħjar għalija. Għallimni ħafna. Id-drama kienet il-passjoni tiegħu flimkien ma’ affarijiet oħra u qatt ma waqaf jagħmel dan. Hu kien ir-raġuni li nħobb id-drama llum. Ħallejt impatt kbir f’ħajti u żgur mhux se ninsik.”
Fost il-produzzjonijiet li ħadem, Tanti kellu l-parti tat-taxi driver fis-sensiela ‘Nostalġija’, il-parti ta’ Lino fil-film Malti Luzzu, kif ukoll f’partijiet f’films internazzjonali bħalma kien dak ta’ Agora.