Sunday, April 20, 2025

Kien ta’ unur għalija li ġibt l-ewwel post għall-ewwel darba għal Marsamxett Regatta Club fil-kategorija tiegħi – Glynnis Mizzi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-regatta?

Minn dejjem kont insegwi r-regatta bħala partitarja, ta’ dakinhar tar-regatta biss. Sirt iktar insegwi ta’ kuljum u nara anke t-taħriġ minn meta bdejt noħroġ mar-raġel tiegħi. Kont ninżel il-Ponta tal-Isla narah jaqdef u neħodlu filmati u ħinijiet, fejn dak iż-żmien ma kontx naf x’inhuma dgħajjes sewwa għalkemm kont ninżel nara r-regatta. Spiċċajt interessajt ruħi u kont insaqsi biex nitgħallem u spiċċajt ngħid li jekk jinżlu n-nisa ninżel u meta bdew in-nisa ovvjament inżilt naqdef.

X’tikkummenta fuq l-aħħar suċċess li ksibtu bħala Marsamxett Regatta Club fir-Regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien?

Kellna tiġrija sabiħa. Kont naf li kien se jkun hemm xi dgħajjes tajbin imma żammejna saqajna mal-art u komplejna fuq il-pjan tat-taħriġ tagħna. Kienet tiġrija differenti din is-sena hekk kif qdift ma’ klabb ġdid ta’ Marsamxett Regatta Club. Kien ta’ unur għalija li ġibt l-ewwel post għall-ewwel darba għalihom fil-kategorija tiegħi!

X’tikkummenta fuq l-involviment tan-nisa fir-regatta?

L-involviment tan-nisa fir-regatta qisu qed jikber ftit ftit li jekk naraw l-aħħar tiġrija konna seba’ dgħajjes minn tmienja. Anke l-Under 18 kien hemm ukoll iktar dgħajjes mis-soltu. Xorta hemm bżonn iktar nisa li jidħlu f’dan il-qasam mhux biex jaqdfu biss imma anke mil-lat ta’ kumitati u voluntiera nisa. 

X’tikkummenta fuq l-organizzazzjoni tar-Regatta f’pajjiżna?

Għalija personli r-regatta inġenerali ma tantx għadha importanti bħalma kienet fiż-żmien! Bħala qaddiefa ma tantx insibu rispett fit-taħriġ fil-port. Diffiċli biex taqdef u tgħid illum ma blajtx xi mewġa jew ma qasmitx dgħajsa jew ħareġ xi vapur. Bħala regatta dakinhar u bħala organizzazjoni dejjem tkun aħjar iżda xorta waħda naħseb li hemm ħafna intoppi li jistgħu jiġu evitati kull sena. Il-bqija dejjem jagħmlu kif jistgħu biex tkun organizzata bl-aħjar mod possibli.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fir-regatta?

Dejjem nimxi regatta, regatta jien. Ma tantx naħseb ħafna fuq il-futur, ngħix tal-mument. Imma nixtieq li fil-futur forsi nerġa’ nieħu shemm fil-Katergorija B (kontra l-irġiel). J’Alla jkolli futur sabiħ sakemm nibqa’ nieħu sehem fir-regatta u nikseb aktar suċċessi.

Għaddi messaġġ finali lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jibdew jieħdu sehem fir-Regatta.

Biex ma jaqtgħux qalbhom. Mhux faċli għal kulħadd biex tibda speċjalment biex titgħallem taqdef, imma b’naqra deddikazjoni, ħin u paċenzja, jaslu!  Huwa sport sabiħ ħafna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport