Thursday, June 26, 2025

‘Kien ta’ unur kbir għalija li ntgħażilt għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar … qatt ma ħlomt li ħa nasal f’dan il-livell fiċ-ċikliżmu’ – Clyve Chetcuti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

Meta kelli 16-il sena kont qiegħed ngħin lil missieri ir-raba’ li jaħdem fil-limiti ta’ Għajn Tuffieħa, u f’ħin minnhom kont qed nara nies isuqu r-rota fuq ix-xifer u qabditni kurżitá u mort niġri nara x’inhu jiġri. Mort u kif wasalt viċin ninduna li kien hemm tellieqa. Kien hemm wieħed raġel insellimlu minn hawn jismu Alex Gatt u ħajjarni biex nibda ntellaq. Ġimgħa wara kellhom tellieqa oħra u mort nara l-korsa magħhom bir-rota tal-ħadid li kelli. Għamilt lap u mat-tieni waħda qbiżt minn fuq ġebla u għawwiġt ir-rim. Mort id-dar inkaxkar ir-rota warajja … l-għada mort nixtri oħra aħjar minnha … u minn hemm bdejt intellaq bilmod waħda wara l-oħra, u s’issa wasalt fit-tmien sena.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-parteċipazzjoni tiegħek personali u ta’ Team Malta fiċ-ċikliżmu fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra?

Il-ħidma, sagrifċċji u taħriġ kollu li kelli għamilt mill-aħjar li nista’ biex indaħħal kollox. Kien ta’ unur kbir għalijha li ntgħażilt għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar … qatt ma ħlomt li ħa nasal f’dan il-livell fiċ-ċikliżmu! It trakka kienet tajba … kien fiha l-ħsieb kif trid tgħaddi minn ċerti sezzjonijiet tal-korsa. F’jum it-tellieqa ovvjament bħal dejjem jaqbadni eċċitament kbir, ħsieb, nhewden fuq affarijiet waħdi … nipprova nikkonsla u nżomm ruħi pożittiv kemm nista’. Warm-up tajjeb u dħalna filgrillja. Bdejna u ovvjament riħ għal magħhom biex inlaħħqu minn ta’ quddiem. Il-kompetituri kienu tajbin ħafna b’livell ta’ kalibru ikbar minn tiegħi, ċerti minnhom professjonali. Finalment irnexxieli nagħmel erba’ laps minn sitta u daqshekk!

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb? 

Irbaħt naqra tlielaq sew, sa minn meta kont għadni żagħżugħ ta’ 16-il sena fil- mountain bike. M’għandniex kompetizzjoni kbira hawn Malta imma xorta jgħoddu ta’ meta kont żgħir. F’dawn l-aħħar tliet snin, irbaħt il-kampjonat tan-national point series darba u rbaħt żewġt itlielaq elite tal-mountain bike.

Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?

Nitkellem għalija, il-livell tagħna meta kkumparat ma’ ċiklisti barranin qiegħed lura sew. Nieħu minni m’għandix dak il-ħin kollu biex nagħmel ħafna sigħat fuq ir- rota peressli naħdem għaxar sigħat kuljum u wara mmur nittrenja. Biss biss dawn l-aħħar tliet snin kont fortunat biżżejjed biex l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike itellagħna barra minn xtutna għal training camps u tlielaq ma’ ċiklisti barranin.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Meta nitla’ fuq ir-rota u mmur xi dawra ta’ siegħa, inħoss li moħħi jirrilassa u ma jaħseb f’xejn iktar. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.

Dan l-isport min jixtieq jibdieh, għandu jibdieh issa u mhux għada. Huwa sport sabiħ ħafna u permezz tiegħu tiskopri kemm hawn postijiet sbieħ fejn tista’ tmur bir-rota f’pajjiżna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport