Saturday, December 21, 2024

“Kien vjaġġ evanġeliku affaxxinanti li nibqa’ niftakru tul ħajti kollha” – l-Isqof George Frendo

Aqra wkoll

Jirritorna Malta wara 25 sena servizz fl-Albanija

F’Diċembru li għadda l-Isqof George Frendo irriżenja minn Arċisqof ta’ Tirane-Durres fl-Albanija. L-Isqof George Frendo għalaq 75 sena fl-4 ta’ April li għadda u skont il-liġi kanonika tgħid l-isqfijiet djoċesani huma mitluba jissottomettu r-riżenja tagħhom lill-Papa meta jagħlqu 75 sena. Eventwalment din l-ittra ta’ riżenja ġiet aċċettata.

L-Isqof Frendo kien inħatar Isqof Awżiljarju ta’ Tirane-Durres fl-2006 mill-Papa Benedittu XVI, u għaxar snin wara kien inħatar Arċisqof tal-istess djoċesi mill-Papa Franġisku.

F’Novembru tas-sena 2020, l-isqof Frendo kien irriżulta pożittiv għall-Covid-19, u kellu jiġi trasferit mill-Albanija lejn sptar f’Bari l-Italja wara li żviluppawlu kumplikazzjonijiet respiratorji. Hu kien irritorna l-Albanija wara li fieq, fejn kompla jmexxi d-djoċesi tiegħu.

Id-Dumnikani Maltin ilhom preżenti fl-Albanija mill-1996. L-Isqof George Frendo kien mar hemmhekk bħala missjunarju sena wara, fl-1997 u din il-missjoni tant laqtitu li ried jibqa’ jagħti s-servizz tiegħu lil diversi parruċċani u individwi li tant kienu jfittxu s-servizzi spiritwali tiegħu. 

Issa li rritorna Malta, Talk.mt ħadet l-okkażjoni sabiex tagħmillu intervista.

Mal-ewwel saqsejnieh dwar l-esperjenza tiegħu fl-Albanija ta’ dawn l-aħħar 25 sena u fuq kollox xi episodji li baqgħu ċari f’moħħu.

“Kienu 25 sena movimentati mhux ħażin. Kif wasalt fl-1997 mal-ewwel affaċċjajt pajjiż li kien għaddej minn gwerra ċivili kif ukoll l-esperjenza xejn sabiħa tal-gwerra tal-Kosovo fejn ħafna refuġjati Kosovari kienu jiġu fl-Albanija għall-kenn. Kellna wkoll is-sehem ta’ diversi Maltin li ġew jagħtu daqqa t’id f’kundizzjonijiet xejn sbieħ fosthom it-tabib Daniel Micallef u anke Patri Ġwann fejn konna flimkien bħala missjunarji. Kellna ċ-ċaqliqa minn Suke għal Durres, il-ħatra ta’ Vigarju Ġenerali u fl-aħħarnett ċaqliqa oħra minn Durres għall-belt kapitali Albaniża Tirana. Kien vjaġġ evanġeliku affaxxinanti li nibqa’ niftakru tul ħajti kollha.”

L-Isqof Ġorġ Frendo qal li ra ħafna esperjenzi iebsin fost il-komunitajiet Albaniżi fejn għad hemm postijiet ta’ faqar u fuq kollox kriminalità bħat-traffikar tad-drogi, armi u anke dak uman. Hu jgħid li ċertu faqar hu inevitabbli minħabba li l-għajnuna soċjali mill-gvern hi minima ħafna u diffiċli li familja tkampa bi ftit flus tant li hu sejħilha għajnuna ridikola. Minkejja kollox, hu dejjem baqa’ qrib il-poplu Albaniż u kkonferma li kien hemm ħafna dmugħ meta n-nies saru jafu li kien se jitlaq lura lejn Malta. 

“It-tluq tiegħi ħassewh ħafna nies. Jien nammetti li għadni mhux naċċetta din ir-realtà għax tant drajt hemmhekk li xi kultant qed inħossni ħuta barra mill-ilma. Nammetti wkoll li ħallejt legat kbir fost diversi familji li kienu jfittxuni.”

Saqsejna lill-isqof Frendo dwar is-sitwazzjoni tal-kattoliċiżmu fl-Albanija. Hu qalilna li hi biss 15 fil-mija tal-popolazzjoni li hi kattolika. Minkejja kollox, hu kkonferma li l-knisja kattolika li fiha jattendu diversi persuni hi ħajja u jkun hemm attendenza sabiħa waqt il-quddiesa li ssir ta’ kull nhar ta’ Ħadd li ssir.

“Il-Knisja għandha rilevanza kbira fost il-kattoliċi Albaniżi, għadhom ifittxuha ħafna u b’xorti tajba ma kellniex każijiet kontroversjali bħal per eżempju pedofelija. Iż-żgħażagħ għadhom ifittxu l-kelma ta’ Kristu u din hi xi ħaġa sabiħa ħafna.”

Hu spjega kif l-istess knisja kattolika fl-Albanija mxiet id f’id ma’ dawk Musulmani u Ortodossi waqt il-gwerra tal-Kosovo li ħalliet ħerba kbira lura fiż-żmien.

Kif nafu, l-Isqof Frendo f’Novembru 2020 kien instab pożittiv għall-COVID-19 u kien jinsab f’kundizzjoni serja. Flimkien ma’ patri Kapuċċin Taljan ieħor, Frendo ttajjar permezz ta’ ajruplan militari Taljan għall-kura fi sptar ġewwa Bari. Kif esperjenza dan il-mument diffiċli?

“Kienet marda li laqtitni serjament u għamilt żmien ma kontx konxju x’qed jiġri. Domt ftit sa ma ħriġt mill-isptar u bqajt għaddej bil-konsegwenzi ta’ din il-marda għal kważi seba’ xhur sħaħ. Ħafna talbu għaliha u verament nirringrazzja lil dawk li ħasbu fija f’dan il-mument ferm diffiċli f’ħajti.”

Saqsejnieh dwar kemm qed iħoss in-nuqqas tal-Albanija u issa kif se jkun qed iħares lejn il-ħajja pjuttost ġdida tiegħu?

“Intennilek li qed nimmissja ħafna dak iż-żmien fl-Albanija iżda issa dak hu passat sabiħ li nibqa’ nġorru tul ħajti kollha. Issa se nkun qed ningħaqad ma’ ħuti l-patrijiet Dumnikani fil-kunvent fir-Rabat. Naf li wara 25 sena din hi xi ħaġa iebsa iżda naf li l-legat li ħallejt se jibqa’ hemm għal ħafna żmien.”

L-Isqof Ġorġ Frendo jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-knisja f’Malta u xi kultant l-indifferenza li qed tirrenja fost iż-żgħażagħ Maltin li bħal donnhom m’għadhomx ifittxu lil Alla bħalma kienu.

“Għalhekk l-aħħar messaġġ tiegħi hu dak ta’ tama. Tibżgħux tafdaw fi Kristu għax hu s-salvazzjoni tagħna.”

“Jien insaqsi għaliex qed nitilfu daqshekk żgħażagħ attivi fil-knisja. Qisna qed inħarsu lejha bħala tradizzjoni mhux bħala stil ta’ ħajja.”
“Kif għedtlek aktar qabel, fl-Albanija ż-żgħażagħ imorru l-knisja b’mod regolari, ifittxu lil Alla bħala punt ta’ riferiment iżda hawnhekk dan kollu mhux jeżisti daqskemm kien.”

L-Isqof Frendo jgħid li finanzjarjament kien jgħaddi bil-pensjoni modesta li kien jirċievi minn Malta u biha ried iħallas diversi spejjeż fosthom kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll tat-telefon. Minkejja kollox, hu dejjem kien bil-għaqal f’dak li kien jagħmel u jonfoq. 

Illum il-ġurnata fl-Albanija hemm tliet aħwa Maltin f’Durres li jgħinu lil dawk fil-bżonn filwaqt li Patri Bernard Caruana ġie maħtur bħala Vigarju Ġenerali. Dawn se jkunu qed ikomplu l-missjoni tagħhom filwaqt li jimxu fuq il-passi tiegħu sabiex dejjem jaraw li l-komunita’ Albaniża tkun moqdija b’mod spiritwali.

Tlabna lill-isqof Frendo sabiex jagħti l-aħħar messaġġ tiegħu lil dawk in-nies li qed jaqraw din l-intervista.

“Kulfejn inkun għadni nippriedka l-istess ħaġa. Importanti li nimxu wara l-evanġelju ta’ Ġesu. Din hi esperjenza unika li l-ebda oġġett materjali ma jista’ jtik. Din hi l-aħbar it-tajba u nqisha okkażjoni ta’ ferħ fejn il-komunita’ tingħaqad flimkien għal għan wieħed.”

“Nemmen ukoll fi priedka movimentata, interessanti u li tolqot is-sitwazzjoni attwali aktar milli waħda monotona. Din tgħin sabiex in-nies jifhmu sew il-kelma ta’ Kristu u jaraw li jqisuh bħala l-mudell għal ħajjithom.”

“Għalhekk l-aħħar messaġġ tiegħi hu dak ta’ tama. Tibżgħux tafdaw fi Kristu għax hu s-salvazzjoni tagħna.”

Ekonomija

Sport