Tuesday, July 22, 2025

‘Kienet deċiżjoni faċli għalija, għax dan il-klabb dejjem kien għal qalbi u jien inħobbu ħafna’ – Richard Sammut

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-passjoni tiegħi għall-futbol bdiet minn età żgħira. Ilħbieb li trabbejt magħhom kienu kollha jħobbu l-logħba tal-futbol, u kull darba li konna nsibu ċans, konna dejjem nilagħbu b’xi ballun. Ħafna mid-djalogi tagħna kienu jduru madwar il-futbol, u dan għen biex inħobb din il-logħba dejjem aktar. Maż-żmien, il-futbol sar parti essenzjali minn ħajti.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn ir-ritorn tiegħek bħala goalkeeper ta’ Għajnsielem FC?

Wara diversi snin nieqes mill-klabb tar-raħal li fih kbirt, waslitli l-opportunità li nerġa’ ningħaqad miegħu. Kienet deċiżjoni faċli għalija, għax dan il-klabb dejjem kien għal qalbi u jien inħobbu ħafna. Illum, bħala plejer b’esperjenza, inħoss li għandi r-responsabbiltà li nkun ta’ eżempju tajjeb għall-plejers iż-żgħażagħ. Għalhekk, nimmira li nżomm livell għoli kemm fit-taħriġ kif ukoll waqt il-logħob.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ta’ tmien snin fil-futbol qabel irritornajt ma’ Għajnsielem FC.

Matul dawn it-tmien snin, kelli l-opportunità li nilgħab ma’ żewġ klabbs mir-Rabat, Għawdex – Oratory Youths F.C. u Victoria Hotspurs F.C. Nemmen li dawn l-esperjenzi ħallew impatt pożittiv fuqi, għax irnexxieli nikseb esperjenzi varjati li għenuni nikber kemm bħala individwu kif ukoll bħala plejer.

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol Għawdxi għamel pass ‘il quddiem f’diversi aspetti, u hemm potenzjal reali biex il-livell jitjieb aktar. Madonkollu jiffaċċja sfidi strutturali u kompetittivi li jillimitaw il-potenzjal tiegħu.  Ghalhekk, dan jeħtieġ impenn sostenibbli mit-timijiet, il-Gozo FA u l-komunità kollha. Għawdex għandu passjoni kbira għall-futbol – li hija l-bażi ideali għal futur b’saħħtu jekk tiġi mmaniġġjata sew.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l- logħob kompetittiv tagħkom?

Il-klabb ta’ Għajnsielem F.C. għandu faċilitajiet tajbin ħafna. Huma għandhom il-grawnd tagħhom stess kif ukoll ġinnasju mgħammar b’tagħmir modern. Il-logħob kompetittiv isir fil-Gozo Stadium kif ukoll fl-istadium ta’ Kerċem – żewġ impjanti li għandhom standards pjuttost tajbin u li joffru ambjent xieraq għall-futbol kompetittiv.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

L-għan tiegħi bħalissa huwa li nibqa’ nilgħab sakemm inkun nista’. Qiegħed ninvolvi ruħi fin-nursery biex niksib esperjenza fir-rwol tal-coaching. F’dawn l-aħħar xhur bdejt ukoll nagħmel il-“coaching badges”. Din hija xi ħaġa li minn dejjem xtaqt nagħmel, għax inħoss sodisfazzjon kbir meta nkun qed nikontribwixxi fl-iżvilupp tat-tfal – kemm f’dak sportiv kif ukoll f’dak personali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Is-suċċess fil-futbol jirrikjedi ħafna sagrifiċċji, determinazzjoni u paċenzja.

Il-logħba fiha l-mumenti tajbin u l-mumenti diffiċli, u għalhekk hu importanti li tibqa’ titħarreġ b’serjetà, tibqa’ iffukat u, fuq kollox, temmen fik innifsek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport