Sunday, June 1, 2025

“Kienet esperjenza sabiħa ħafna … nixtieq nerġa’ niġi” – Ameerah

Aqra wkoll

Il-kantanta Belġjana Ameerah, magħrufa għall-kanzunetta internazzjonali “The Sound of Missing You”, għamlet l-ewwel dehra tagħha f’Malta nhar is-Sibt, 24 ta’ Mejju 2025 li għadda, waqt l-avveniment mużikali “Rewind 90s & 2000s” li sar f’Gianpula Village, limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dan l-avveniment kien parti mis-serje ta’ avveniment retro organizzati minn Ryan Spiteri, DJ u promotur Malti magħruf għall-avvenimenti tematiċi tiegħu li jġibu lura l-memorji tal-mużika tas-snin 90 u 2000.

Il-wirja ta’ Ameerah kienet mistennija ħafna, u l-avveniment kien suċċess kbir, b’ħafna jikkummentaw fuq l-enerġija u l-element nostalġiku li ħolqot flimkien ma’ Ryan Spiteri.

Għalkemm kienet l-ewwel darba tagħha f’pajjiżna, Ameerah stqarret li ħasset ruħha eċċitata u milqugħa b’merħba kbira li tawha dawk li attendew għal dan l-avveniment.

“L-ewwel darba tiegħi Malta – kont xi ftit eċitata, qatt ma tajt wirjiet hawn. Imma Malta 

tidher sabiħa, ħafna sħana u n-nies tawni merħba. Jidher li hawn ambjent pożittiv ħafna. 

Kuntenta u privileġġjata li kont parti minn dan l-avveniment.”

Ameerah, li twieldet bħala Astrid Roelants f’Leuven, hija artista ta’ oriġini Tunisini u Alġerina, iżda trabbiet fil-Belġju minn ġenituri adottivi. Il-mixja mużikali tagħha bdiet fil-bidu tas-snin 2000, meta ħadet sehem fil-programm Idool, il-verżjoni Belġjana ta’ Pop Idol. Minkejja li ma rebħitx, din l-esperjenza fetħitilha bibien importanti fis-suq mużikali 

Ewropew u ppermettilha tibda tħares lejn karriera professjonali.

Il-ħolqien tal-kanzunetta “The Sound of Missing You” fl-2009 kien punt ta’ tluq importanti għal Ameerah. Din id-diska bi stil dance/trance kisbet suċċess internazzjonali, speċjalment fl-Istati Uniti fejn waslet sa numru 3 fuq il-palk tal-kanzunetti popolari. Il-kanzunetta ma waqfitx hemm, għax ġabet magħha wkoll diversi remixes li komplew jespandu l-fama tagħha. Dan kollu għamilha artist magħrufa mhux biss għall-vuċi distintiva tagħha iżda wkoll għall-ħila tagħha li toħloq mużika li tappella għal udjenza wiesgħa.

“’The Sound of Missing You’ kienet waħda mill-aqwa xogħlijiet tiegħi – n-nies iriduha. Waslet sa numru 3 fl-Istati Uniti. Kienet diska popolari ħafna u għandi diversi remixes tagħha wkoll. Kull sena nipprova noħroġ xi ħaġa ġdida.”

Għalkemm hija magħrufa fil-ġeneru dance u trance, Ameerah spjegat kif l-istil tagħha nbidel maż-żmien sabiex iżżomm mal-mixja ta’ din l-industrija. Il-mużika dance u trance, li kienet ħafna aktar definita u regolari fis-snin 2000, issa għandha taħlitiet u influwenzi li jvarjaw minn post għal ieħor, u dan jeħtieġ li l-artisti jkunu flesibbli u jivvintaw lilhom infushom kontinwament filwaqt li jibqgħu jżommu l-oriġinalita’ tagħhom.

“Id-dinja tal-mużika nbidlet – dance u trance issa għandhom taħlitiet differenti u jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor. Bdejt nimxi mal-istil, u fejn tmur jinbidel. Qatt ma nistenna li kollox jibqa’ l-istess speċjalment meta jibdew jgħaddu s-snin.”

Din id-dinamika mhux biss turi kif il-mużika hija forma ta’ arti li dejjem qed tiġi rinnovata, iżda wkoll il-ħila ta’ Ameerah li tiflaħ għall-isfidi ta’ industrija li spiss tkun kompetittiva u mġedda.

Il-preżenza ta’ Ameerah f’Gianpula kienet mument speċjali, mhux biss għaliha bħala kantanta imma wkoll għas-segwaċi Maltin li kellhom opportunità rara biex jgawdu artist internazzjonali b’dan il-livell. L-enerġija li ħolqot fuq il-palk, flimkien ma’ Ryan Spiteri, ħalliet memorja sabiħa f’qalb dawk kollha preżenti.

“Li tara żgħażagħ ta’ kull età jiżfnu għall-mużika tiegħi – dik hija l-akbar sodisfazzjon. Inħossni kuntenta ħafna li x-xogħol tiegħi jilħaq lil ħafna nies, speċjalment f’post fejn qatt ma kelli wirja qabel.”

Din l-istqarrija ta’ Ameerah turi kemm hi gratifika għal artist meta l-mużika tagħha titqies u tinġieb tajjeb minn udjenza diversifikata, kemm minn dawk li kienu qed jiftakru l-era tas-snin 90 u 2000, kif ukoll minn dawk iż-żgħażagħ li għadhom qed jiskopru dan il-ġeneru.

Minbarra l-vuċi tagħha fuq il-palk, Ameerah hija wkoll kittieba b’suċċess. Hija ħadmet ma’ diversi artisti internazzjonali famużi bħal Jennifer Lopez, Jay Sean, u Tiësto, u dan għenha biex tespandi l-ħiliet tagħha fil-kitba ta’ kanzunetti u produzzjoni mużikali. L-esperjenza f’postijiet bħal Los Angeles u Stokkolma tatilha għarfien u kreattività li jżommha qawwija fis-suq globali.

Saqsejniha dwar kif taħseb li se jkun il-futur tagħha, partikolarment minn hawn u għaxar snin oħra. Ameerah għandha viżjoni ċara u determinazzjoni biex tibqa’ attiva u relevanti fil-qasam mużikali.

“Naħseb li għaxar snin oħra, nispera li nkun għadni noħroġ aktar mużika, li nkun għadni relevanti u ismi jkun għadu jgħaddi fuq stazzjonijiet differenti permezz tal-mużika tiegħi. L-importanti hu li nżomm f’qalbi l-imħabba għal dak li nagħmel.”

Il-messaġġ tagħha juri kemm hu fundamentali għall-artisti li jkollhom passjoni vera u kontinwa biex jiksbu dawk l-elementi tal-ħolm tagħhom, anke meta l-industrija tkun sfida kontinwa.

Ameerah għandha wkoll messaġġ għal dawk iż-żgħażagħ li qed jiftħu l-bibien għal karriera mużikali jew kreattiva billi qasmet messaġġ ta’ motivazzjoni qawwi.

“Dejjem kun onest miegħek innifsek. Taqtax qalbek, u qatt ma tieqaf taħdem fuq il-ħolm tiegħek. Kull pass jagħmel differenza u kulħadd għandu l-potenzjal li jasal.”

Dan il-parir jħeġġeġ u jittrażmetti ħajja ta’ tama u determinazzjoni għal kull min jisma’ l-kliem tagħha.

Ameerah qalet li l-esperjenza tagħha f’Malta kienet aktar minn sempliċi wirja.

“Kienet esperjenza sabiħa ħafna. Nixtieq nerġa’ niġi – il-pajsaġġ, in-nies u l-enerġija kollha kienu speċjali. Grazzi Malta!”

Il-pajjiż u l-poplu Malti ħallew impressjoni verament sabiħa u pożittiva fuqha, u jidher ċar li mhux biss hija kuntenta bil-kuntatt mas-segwaċi tagħha, iżda wkoll li qed tħares ’il quddiem biex terġa’ tidħol fis-suq Malti b’aktar mużika u esperjenzi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport