Kienet il-Maġistrat Gabriella Vella li personalment ordnat li ssir is-search fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Jannar 2022. Dan qalu fil-Qorti l-Eks Spettur tal-Pulizija Anthony Scerri, li bejn April 2021 u Ġunju 2022 kien assenjat fuq l-inkjesta dwar l-isptarijiet.
Is-Sur Scerri kien qiegħed jixhed ilbieraħ quddiem l-Imħallef Giovanni Griscti f’kawża li fetaħ Dr Muscat fejn qieghħed isostni li ġew miksura d-drittijiet tiegħu. Fl-istess seduta xehed il-Kummissarju tal-Pulizija li qal li qatt ma saret xi ħaġa dwar l-inkjesta, jekk mhux bl-approvazzjoni tal-Magistrat Vella.
L-eks Spettur Scerri min-naħa tiegħu spjega illi l-inizjattiva dwar is-searches kienet dejjem tal-Magistrat Vella. Il-prassi kienet li kienu jsiru s-seduti tal-inkjesta u wara l-Magistrat kienet tgħajjat lilu u tgħidlu biex jikkordina biex isiru searches f’postijiet partikolari.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li meta kienu jsiru s-searches, it-tfittix kien isir mill-esperti barrranin u l-Pulizija Maltija kienet tpoġġi l-affarijiet li kienu jinġabru fil-boroz u tissiġillahom. Meta saret is-search fid-dar ta’ Dr Muscat tnejn mill-esperti barranin preżenti kienu Sam Sittlington u Andy Coles, li wara li spiċċat l-inkjesta bdew ixolju l-kumpaniji tagħhom.
Waqt li qal li s-search fid-dar ta’ Dr Muscat damet għddeja mis-7:00 a.m., sa nofsinhar, is-Sur Scerri żied li f’ħin minnhom kien informat li kien hemm persuna ftit ‘il boghod li kienet qed tiġbed ir-ritratti bil-mobile. Meta huwa mar ikellem lil din il-persuna rrizulta li kien Jacob Borg, ġurnalist ta’ The Times. Is-sur Scerri qal li huwa kien ordnalu biex jiċċaqlaq minn fejn kien.
Is-search fid-dar ta’ Dr Muscat kienet ippjanata oriġinarjament għat-18 ta’ Jannar 2022 iżda kellha tkun imċaqalqa għal l-għada għaliex fi kliem l-eks Spettur tal-Pulizija, kien hemm leak wara li l-eks Ministru Nazzjonalista u avukat ta’ Repubblika Jason Azzopardi beda jxerred informazzjoni dwar searches fuq il-midja soċjali. Mistoqsi jekk saritx xi inkjesta dwar din il-leak is-Sur Scerri wieġeb li sa fejn jaf huwa ma saret l-ebda inkjesta.
Kien spjegat li qabel kull search kienet issir laqgħa qasira iżda fil-maġġor parti tad-drabi l-esperti barranin ma kienux jinformaw lill-Pulizija Maltija dwar x’kienu jkunu marru biex isibu waqt is-searches. L-esperti barranin kienu jingħataw direzzjoni mingħand il-Magistrat Vella, qal is-Sur Scerri.
Il-Pulizija Maltija ma kellha viżibilita ta’ xejn u ebda involviment fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-inkjesta, saħaq l-eks Spettur. Il-Pulzija kienu jkunu involuti biss biex iħarrku lin-nies u biex jikkordinaw biex isiru s-searches. Ġa ladarba l-evidenza miġbura waqt is-searches kienet tittieħed il-Qorti, il-Pulizija ma kien ikollha ebda viżibilita ta’ xi riżultati li seta jkun hemm. L-inkjesta kienet taħt il-kontroll tal-Magistrat Vella u l-Pulizija kienet timxi biss fuq id-direzzjoni tagħha.
Xhud ieħor kien il-Kummissarju tal-Pulizija Angela Gafa. Is-Sur Gafa qal illi kull azzjoni minn naħa tal-Pulizija b’rabta mal-inkjesta tal-Isptarijiet dejjem ittieħdet fuq struzzjonijiet u b’koordinazzjoni mal-Maġistrat Gabriella Vella. Qatt ma saret xi ħaġa jekk mhux bl-approvazzjoni tal-Magistrat Vella. Is-Sur Gafa qal illi kien hemm drabi fejn il-Korp ingħata direzzjoni mill-Maġistrat izda kien hemm drabi fejn il-Korp baqa’ bla tweġiba.
Il-Kummissarju kkonferma illi t-taqsima tar-reati ekonomiċi u t-taqsima ta’ kontra l-ħasil tal-flus jinstabu fl-istess bini u jikkordinaw bejniethom taħt Assistent Kummissarju wiehed.