Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fejn liema talba ma sabitx l-oppożizzjoni tal-Prosekuzzjoni, il-Qorti laqgħet it-talba fuq diversi kundizzjonijiet.
Farrugia ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li tiffirma l-Għassa ta’ Ħal Qormi kuljun u tħallas depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €25,000.
Aktar kmieni: “Kienet qiegħda toħroġ pagi doppji… it-tieni waħda teħodha hi”
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Francine Farrugia ta’ 31 sena li tinsab mixlija li ffrodat lill-MCAST, fejn kienet taħdem, €2.3 miljun.
L-akkużi huma dwar reati li saru bejn Settembru tal-2023 u Lulju li għadda meta l-imputata kienet taħdem bħala maniġer fid-Dipartiment tal-Accounts tal-istess MCAST.
Hija wkoll kienet kunsilliera fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi f’isem il-Partit Nazzjonalista, li hekk kif tressqet il-Qorti rriżenjat mill-kariga.
Farrugia li qiegħda tiċħad l-akkużi fil-konfront tagħha hija akkużata fost l-oħrajn li biddlet it-traċċi ta’ reat fost akkużi ferm aktar serji.
L-ewwel xhud f’din il-kumpilazzjoni kien l-Ispettur Wayne Rodney Borg li qal li kien hu involut fl-investigazzjoni. Hu xehed li Farrugia kienet qiegħda timmanipula l-pagi biex tieħu id-doppju tal-pagi ta’ impjegati u kienet qed toħroġ is-salarji għal pagi doppji, bit-tieni paga li toħroġ tmur fil-kont tagħha.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur qal li Farrugia għaddiet €1.9 miljun lilha nnifisha u fost oħrajn xtrat propjetà u vetturi, għamlet konvenji u nefqet ukoll €113,000 fuq ħwejjeġ minn Harrods ta’ Londra.
Meta ġie biex jixhed dwar l-arrest tagħha, l-Ispettur qal li kien fis-6 ta’ Awwissu meta l-imputata għall-ħabta tad-8.50pm ġiet arrestata fuq il-post tax-xogħol.
Il-Pulizija imbagħad għamlu tfittxija fir-residenza tagħha fejn sabu ġizirana b’valur ta’ madwar €5,000 u ammont deskritt bħala impressjonanti ta’ ħwejjeġ tad-ditta u basktijiet b’valur ta’ €200,000.
Waqt l-interrogazzjoni hija għażlet li ma twieġeb l-ebda domanda li saritilha filwaqt li magħha kien hemm l-avukat tagħha Dr Peter Fenech.
Hu kompla jixhed li meta investigaw kif saru t-tranżazzjonijiet indunaw li hu diffiċli li xi ħadd ikollu paga gross ta’ €7,000 kull xahar u li l-APS Bank ikkonferma wkoll li kienu qed jaslulu dawn il-pagamenti.
L-Ispettur spjega fil-Qorti li l-flus kienu tqassmu f’diversi kontijiet u banek differenti fosthom l-HSBC, BOV u l-APS, iżda kien ferm diffiċli li taqbad il-flus li kienu sejrin fir-Revolut.
Spjega li kienu qegħdin jintużaw ismijiet ta’ nies u profili lkoll impjegati full-time tal-MCAST, fejn il-profil kien ikun cloned biex jittieħdu f’kontijiet oħra.
Hu kompla jgħid li kienu ttieħdu wkoll il-profili ta’ madwar 8 persuni li għal dawn lanqas kienet toħroġ paga kull xahar għax kienu jaħdmu part time. Dawn il-profili kienu qegħdin jiġu cloned biex isiru pagamenti mill-imputata dirett fil-kontijiet tagħha.
Tixhed impjegata tal-MCAST
Fis-seduta xehdet ukoll impjegata tal-MCAST li taħdem fil-financial control u tagħmel awditajar u management. Hija qalet li l-imputata kienet ilha taħdem hemm mill-2019, iżda ma kinitx taqa’ taħt id-dipartiment tagħha.
Xehdet li l-Pulizija kienu tawha l-accounts imsemmija biex issib il-provi u fil-fatt fl-2025 kienu saru tranżazzjonijiet ta’ €120,000.
L-impjegata qalet li dawn kienu kollha ġejjin minn salarji doppji u meta baqgħet sejra lura anke sa Settembru tal-2023, it-tranżazzjonijiet ma kinux doppji imma kienu €5000 jew €6,000.
Quddiem il-qorti qalet li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew jiżdiedu fil-valur u jitqassmu fuq aktar ismijiet. Ix-xhud qalet li l-informazzjoni kienet tidħol f’backfile, u mhux fil-file tal-MCAST. Spjegat li l-bank kien jingħata l-aħħar file, u sostniet li kien b’dan il-mod li kienu qed isiru dawn il-pagamenti, bi 12-il tranżazzjoni isiru direttement fil-kont tar-Revolut ta’ Francine.
“Is-salarji m’humiex fissi kull xahar għax fl-MCAST hemm ħafna part-timers, li s-salarji tagħhom ivarjaw skont l-extra hours,” qalet ix-xhud.
Meta ġiet mistoqsija dwar is-sigħat żejda, hija spjegat li dawn jidħlu f’file partikolari u bl-eżerċizzju jsir darba fix-xahar.L-impjiegata żiedet tgħid li nstabu wkoll ħafna mit-tranżazzjonijiet, u indunat mill-pagi gross li kienu qed jitniżżlu. Saħqet li hu diffiċli li xi ħadd ikollu paga gross ta’ €7,000 kull xahar.
Qalet ukoll li kien sar xi tibdil u dawn anke tneħħew mis-sistema. Qalet li meta bdiet tfittex indunat li l-bidliet kienu tneħħew mis-sistema. Qalet ukoll li fis-sistema kienu jidħlu tranżazzjonijiet li llum tista’ tikkonferma li dawn saru as opposed to tax adjustment, biex dawn ma jkunux identifikati skont it-taxxa. Tat eżempju li f’xahar minnhom, impjegat Joe Borg kienet ħarġitlu slip, ta’ madwar €2,000 iżda mbagħad sabet slip oħra ta’ madwar €9,000, li kienu intesew mis-sistema għax kienu aġġustati.
Hija tallega wkoll li l-informazzjoni kienet qed tiġi mmanipulata wara li jsir l-audit.
Ix-xhud kompliet tgħid li f’Mejju li għadda meta Francine kienet għamlet operazzjoni ma kienx hemm pagamenti suspettużi.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Alessia Schembri u Michael Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Wayne Rodney Borg.
L-Avukati Peter Fenech u Amy Zahra qed jiddefendu lill-akkużata waqt li l-Avukati Stefano Filletti u Thea Lynn Cesare qed jidhru għall-MCAST.