Minn Cristian Muscat
L-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali kien xhieda ta’ waħda mill-aktar wirjiet konvinċenti ta’ Valletta FC f’dawn l-aħħar snin, hekk kif għelbu lil Sliema Wanderers 3-1 fil-finali tal-Malta FA Jubilee Cup, biex b’hekk kisbu l-ewwel unur importanti tal-istaġun 2025/26. Ġurnata storika għal klabb li sa ftit ilu kien għaddej minn żmien diffiċli fil-Challenge League, iżda li llum reġa’ qiegħed fuq saqajh b’awtorità u determinazzjoni ġdida.
L-eroj tal-finali kien mingħajr dubju Yuri De Jesus Messias, li skorja doppjetta u mexxa lit-tim mill-Belt Kapitali Maltija lejn rebħa li qatt ma kienet f’periklu reali li tista’ tintilef. It-tim ta’ Thane Micallef wera aktar ħila, aktar organizzazzjoni, u aktar xewqa li jikteb paġna ġdida fl-istorja tal-klabb. Minn fuq il-bank, id-direttur tekniku Nicky Saliba ukoll deher emozzjonat iżda serju għax għalih din ir-rebħa tfisser ħafna iktar minn trofew.
Kien fit-30 minuta li l-partita nbidlet. Steve Borg għamel ġirja perfetta fuq ix-xellug, fetaħ għal Yuri De Jesus Messias, u l-Brażiljan għadda b’ħila minn fuq difensur qabel poġġa l-ballun fir-rokna tax-xibka
Il-gowl li bih Valletta rduppjaw l-iskor wasal fis-77 minuta, meta Valletta ngħataw penalty wara li Sava Radic twaqqa’ minn Bah. Messias ma żbaljax. Seba’ minuti biss wara, Brandon Paiber reġa’ poġġa lil Valletta f’pożizzjoni saħansitra aktar komda b’free kick mill-aqwa li ħasad lill-goalkeeper ta’ Sliema Rashed Al Tumi. Fernandinho naqqas id-distakk għal 3-1 fl-aħħar minuti, iżda kien tard wisq biex ibiddel id-destin tal-finali.
Ġurnata wara din il-partita, id-Direttur Tekniku Nicky Saliba deher sodisfatt, emozzjonat u kburi. Huwa ma ħeba xejn li għalih din ir-rebħa ma kinitx ordinarja f’intervista li tana.
“Kienet rebħa meritata u mistħoqqa fejn għal ħafna mid-drabi konna dominanti, kumpatti, organizzati u fuq kollo ridnieha bil-qalb din it-tazza. Il-plejers riedu jniżżlu isimhom fl-istorja u għamlu dan b’karattru.
Saliba tkellem dwar kemm importanza jagħtu lit-tim il-valuri tradizzjonali tal-klabb:
“Jien kont qed nispjegalhom dejjem kemm l-arma fuq il-flokk hija importanti. Ma nistgħux ninsew l-identità tagħna. Il-plejers taw dak kollu possibbli u ma stajniex inkunu aktar kuntenti milli konna. Huma obdew l-istruzzjonijiet tal-kowċ u b’hekk wasal dan is-suċċess.
Nicky Saliba għandu rabta speċjali ma’ Valletta, mhux biss bħala tekniku, iżda wkoll bħala eks plejer li rebaħ Tazzi importanti:
“Kelli x-xorti nirbaħ is-Centenary Cup u l-Anniversary Cup kemm bħala plejer kif ukoll bħala manager. Huwa unur li jinġarr għal dejjem. Illum rajt lill-plejers jgħaddu minn dak li għaddejt jien u nifhem x’jiġifieri tirbaħ unur bħal dan.”
Sena u nofs ilu, l-affarijiet ma dehrux tant sbieħ hekk kif il-Beltin ġew relegati għal BOV Challenge League fejn bla dubju kien perjodu diffiċli li seta’ jħalli t-tim jidher imħawwad jew imfarrak. Imma kien hawn li bdiet il-bidla.
Saliba faħħar ix-xogħol tat-tmexxija, speċjalment tal-president Claudio Grech, li ta direzzjoni ċara lill-klabb:
“Claudio organizza kumitat b’nies importanti u b’istruttura li xtaq jagħmel hu. In-nies rritornaw, il-partitarji reġgħu emmnu fina, u anke finanzjarjament irnexxielna nissaħħu. Meta taħdem bil-għaqal u b’viżjoni, ir-riżultati jiġu.”
Skont Saliba, il-bini tal-iskwadra sar bi ħsieb, mhux b’għaġġla:
“Ġibna plejers bil-għaqal. Fiċ-Challenge League bnejna kollox mill-ġdid, inkluż l-elementi barranin. Wara l-promozzjoni kellna nerġgħu norganizzaw l-iskwadra u ddiskutejna ħafna biex naqblu mal-baġit li għandna. Imma bnejna tim kompetittiv u qegħdin hemm għax ħaqqna dan kollu.”
Waħda mill-punti li Nicky Saliba tkellem dwarhom b’mod speċjali kienet il-valur tal-plejers Maltin:
“Għandna vantaġġ kbir li nilagħbu b’ħafna plejers Maltin li huma tassew tajbin. Fil-Jubilee Cup kellna biss ħames barranin u għalija dan kien importanti għax hija kompetizzjoni għalina l-Maltin, fl-anniversarju tal-Assoċjazzjoni. Li tara lil plejers Maltin jitilgħu u jilħqu dan il-livell hu ta’ kburija.”
Fost l-eċċitament u l-ferħ, Saliba żamm ton realistiku meta mistoqsi dwar il-miri futuri ta’ Valletta FC.
“Jien inħobb nħares partita b’partita. Issa għandna nerġgħu nilagħbu kontra Sliema fil-kampjonat. L-għan tagħna hu li nirbħu kull partita li nistgħu. Nixtiequ Ewropa? Naturalment. U jekk nirbħu xi Tazza oħra mhux se niddejqu!”
Din l-umiltà, imħallta ma’ ambizzjoni soda, tidher li hija wieħed mis-sigrieti tat-tim.
Valletta jidhru li mhux biss reġgħu sabu l-identità tagħhom, iżda wkoll il-konsistenza li ilhom ifittxu għal snin twal. It-tim illum qed jopera fuq pedamenti sodi, fejn kull membru mill-amministrazzjoni sal-istaff tekniku u l-plejers għandu rwol ċar u rispettat.
Il-kulturá ta’ professjonaliżmu li nħolqot fl-aħħar sentejn qed tagħti l-frott tagħha, u r-rebħ tal-Jubilee Cup jikkonferma li l-proġett tal-klabb miexi fid-direzzjoni t-tajba. Is-suċċess mhuwiex każwali, iżda frott ta’ viżjoni, dixxiplina u fidi kontinwa fil-proċess. Din l-istess mentalità tista’ twassal lil Valletta għal aktar glorja fl-istaġun li ġej.
Valletta FC illum jinsabu f’fażi sabiħa: organizzazzjoni tajba, tmexxija soda, staff tekniku b’esperjenza, u skwadra magħquda li tħoss ir-responsabbiltà u tturja passjoni.
Il-Jubilee Cup jista’ jkun biss il-bidu ta’ kapitlu ġdid għat-tim mill-kapitali, kapitlu li jħallat tradizzjoni ma’ professjonaliżmu, u li juri li meta klabb jaħdem b’għaqal u b’qalbu kollha, ir-riżultati ma jdumux ma jaslu.

