Wednesday, July 23, 2025

‘Kienet rebħa speċjali ħafna … kien riżultat ta’ ħafna sagrifiċċju, mhux biss mill-plejers imma anke mill-kumitat, il-president u dawk kollha involuti fil-proġett’ – Claudio Venuto

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Claudio Venuto hu wieħed mill-aktar ismijiet prominenti fil-beach soccer Malti ta’ dawn l-aħħar snin. Plejer versatili li beda l-karriera tiegħu fil-futsal, iżda sab passjoni ġdida fuq ir-ramel, fejn illum hu protagonist kemm fuq livell lokali kif ukoll mal-istess tim nazzjonali Malti mmexxi minn Marco Casarsa. F’din l-intervista li din il-gazzetta għamlitlu, Venuto jitkellem fuq kif bdiet din l-imħabba, ir-rebħa reċenti ma’ Sliema Beach Soccer, l-esperjenzi tiegħu barra minn Malta u x’jagħmel dan l-isport tant speċjali għalih.

Jekk nitkellmu dwar Sliema Beach Soccer, dan l-aħħar rebħu l-kampjonat nazzjonali tal-Beach Soccer meta f’finali inkredibbli li ntlagħbet fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa huma għelbu liċ-champions renjanti Ħamrun SC 7-6.

Kienet logħba li ħalliet lill-pubbliku numeruż li attenda għal din il-partita fuq ix-xwiek. Sliema kienu ferm tajbin fl-ewwel taqsima meta stabilixxew vantaġġ ta’ 3-0 b’Ħamrun li bdew jitjiebu fit-tieni taqsima u minkejja li kienu dejjem minn taħt, qatt ma qatgħu qalbhom u dejjem naqqsu l-marġni tal-iskor. Venuto innifsu ta l-kontribut tiegħu sabiex jasal dan is-suċċess tant mistenni.

Claudio Venuto jirrappreżenta ġenerazzjoni ġdida ta’ plejers li qed jittrasformaw is-sehem Malti fil-beach soccer. Bil-passjoni tiegħu, id-dixxiplina u l-esperjenza li qed jiġbor kull sena, jista’ jkun katalist għal titjib sostanzjali fl-isport f’Malta. L-impenn tiegħu ma’ Sliema Beach Soccer u mat-tim nazzjonali huwa rifless ta’ dak li jista’ jinkiseb meta talent u dedikazzjoni jiltaqgħu. Jekk il-futur tal-beach soccer Malti għandu xempju, Claudio Venuto żgur li huwa wieħed minnhom minħabba l-passjoni li juri fil-pitch.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-beach soccer?

Tliet snin ilu bdejt inħobb il-beach soccer. Kienet xi ħaġa li minn dejjem kienet togħġobni — kont narah fuq it-televiżjoni u kont affaxxinat bil-movimenti tal-plejers, l-akrobaziji li jagħmlu u l-gowls sbieħ li jiġu skorjati. Imbagħad f’mument minnhom ġietni l-opportunità biex nipprova nilgħab, u ma ħadtx ħafna biex nifhem li dan hu sport li verament jixraqli. Ħadt sehem f’training camp, u minn hemm beda kollox. Sar parti essenzjali mis-sajf tiegħi u llum il-ġurnata nasal biex ngħid li ma ngħaddix mingħajru.

X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-kampjonat tal-beach soccer minn Sliema Beach Soccer fil-jiem li għaddew?

Din kienet rebħa speċjali ħafna. Kien riżultat ta’ ħafna sagrifiċċju, mhux biss mill-plejers imma anke mill-kumitat, il-president u dawk kollha involuti fil-proġett. Dan il-proġett beda s-sena l-oħra. Jien kont parti minn tim ieħor fis-sena li għaddiet, imma meta spiċċajt, Sliema avviċinawni u kont mil-l-ewwel konvint li hemm xi ħaġa speċjali għaddejja. Konna tim kompetittiv ħafna u konna determinati biex nirbħu l-kampjonat — u hekk ġara.

X’tikkummenta b’mod partikolari fuq il-finali kontra Hamrun SC Beach Soccer?

Il-final kienet logħba sabiħa ħafna. Il-logħba kienet viċin ħafna, spiċċat 7-6 u Hamrun kienu ċ-champions renjanti qabel din il-partita, għalhekk ridna nkunu preparati sewwa. Studjajna l-logħba tagħhom b’attenzjoni: fejn huma l-aħjar, fejn għandhom dgħufijiet. Użajna dan kollu biex inwaqqfu l-istrateġija tagħhom u nieħdu vantaġġ minn fejn setgħu jkunu vulnerabbli. Ħadmet tajjeb u konna organizzati, konxji, u fl-aħħar irnexxielna nirbħu t-tazza. Jien personali kont ferħan ħafna li għollejt it-tazza għax ħdimna qatigħ biex wasalna għal dan is-suċċess.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek fil-futbol tradizzjonali u kif din għenek fil-beach soccer.

Il-futbol tradizzjonali kien l-ewwel imħabba tiegħi. Għamilt perjodu nilgħab ‘l hekk imsejjaħ 11-a-side u timijiet oħra. Il-ħiliet tekniċi li titgħallem fil-futbol jgħinuk ħafna fil-beach soccer u sa ċertu punt anke fil-futsal, speċjalment f’termini ta’ kontroll tal-ballun u taħriġ mentali. Madankollu, il-beach soccer għandu d-dinamika tiegħu, għandek bżonn ħafna aktar bilanċ u saħħa fiżika minħabba r-ramel, imma l-esperjenza minn forma waħda tgħin biex taħdem aħjar fl-oħra.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mal-iskwadra nazzjonali Maltija tal-beach soccer?

L-esperjenza tiegħi fit-tim nazzjonali mal-kowċ Marco Casarsa hija waħda pożittiva ħafna. Din hi t-tielet sena tiegħi bħala parti mit-tim u kellna diversi avventuri f’kompetizzjonijiet internazzjonali Azerbaijan, Pisa, Sardegna, Cadiz. Mhux biss titjieb bħala plejer, iżda titgħallem tgħix ħajja professjonali wkoll — tiekol, torqod, u taħdem bħall-professjonisti. Tiltaqa’ ma’ plejers internazzjonali ta’ livell għoli u titgħallem ħafna. Kull darba li mmorru f’dawn il-kompetizzjonijiet qed naraw lilna nfusna niksbu aktar kunfidenza u nieħdu pass ‘il fuq.

Kif tqis il-livell tal-beach soccer f’Malta fil-preżent?

Il-livell tal-beach soccer qed narah li qed jitla’ dejjem aktar ‘il fuq. Għadna fil-bidu nett meta tqabbel ma’ pajjiżi oħra, imma għandna potenzjal kbir. Hemm ħafna iktar interess issa, qed jiġu organizzati aktar logħbiet, u l-klabbs qed jitjiebu minn sena għal sena. L-impenn ta’ nies fl-assoċjazzjoni u l-kowċis qed jagħmel differenza. Jekk inkomplu naħdmu b’mod strutturat, nistgħu nagħmlu qabżiet oħra ‘l quddiem.

U fir-rigward tar-riżorsi – fejn tilagħbu l-beach soccer bħalissa u kif tara l-futur tiegħek?

Il-beach soccer f’Malta hu prinċipalment ibbażat fil-‘Bajja s-Sabiħa’ ta’ Birzebbugia, fejn għandna l-faċilitajiet li nitħarrġu u nilagħbu. Huwa post ideali, iżda ċertament hemm lok għal aktar investiment f’faċilitajiet dedikati. Fir-rigward tiegħi personali, irrid inkompli nikber f’dan l-isport. Għandi miri li nilħaq, kemm mal-klabb kif ukoll mat-tim nazzjonali. Inħoss li għandi ħafna xi noffri u nixtieq inkompli nagħti minn tiegħi.

X’messaġġ finali tixtieq tgħaddi lil dawk li jixtiequ jibdew jilagħbu l-beach soccer?

Ninkoraġġihom bis-sħiħ biex jippruvaw. Jekk int tħobb il-futbol u tħobb l-ambjent tal-bajja, il-beach soccer jista’ jkun li jappella għall-gosti tiegħek. L-ewwel darba li tidħol fuq ir-ramel, tista’ tkun diffiċli, imma b’xi żmien u taħriġ, issir parti minnek. Huwa sport li jgħaqqad, jgħinek toħroġ il-potenzjal tiegħek u jagħtik ħafna sodisfazzjon kemm fiżikament kif ukoll mentalment!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport