Sunday, November 24, 2024

“Kienet sfida twila u diffiċli ħafna li kienet teħtieġ ħafna preparazzjoni” – Anjelika Ruggier

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, għadha kemm għomiet mad-dawra ta’ Għawdex f’distanza ta’ 37 km f’ħin ta’ 13-il siegha, fejn saret l-ewwel atleta Maltija li rnexxielha tagħmel dan.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm?

Inizjalment, kont atleta. Disa’ snin ilu weġġajt u stajt ngħum biss biex inżomm il-fitness. Kien hawn fejn skoprejt l-għawm.

Fil-jiem li għaddew, għadek kemm għomejt mad-dawra ta’ Għawdex f’distanza ta’ 37 km f’ħin ta’ 13-il siegħa, fejn sirt l-ewwel atleta Maltija li rnexxielha tagħmel dan. Agħtina aktar dettalji.

Kienet sfida twila u diffiċli ħafna li kienet teħtieġ ħafna preparazzjoni, mhux biss f’termini ta’ taħriġ iżda fit-tħejjija tal-avveniment proprju bħala nutrizzjoni u ekwipaġġ ta’ appoġġ għall-għawm. L-għawma kienet teħtieġ ħafna saħħa mentali peress li kellna ngħumu fid-dlam u niffaċċjaw ħafna kurrenti. Fl-aħħar ħames kilometri, ir-riħ żdied u l-baħar sar imqalleb ħafna, u dan kien ta’ sfida żejda fi tmiem l-għawma meta konna għajjenin.

Tiftakar liema l-ewwel unur prinċipali li rbaħt fil-karriera tiegħek?

Ħadt sehem fi triathlon fil-Bahrain fejn temmejt fit-tielet post fil-grupp ta’ età tiegħi lura fl-2018.

Kif nafu, l-għawm għandu ħafna tipi ta’ kompetizzjonijiet illi jiġu organizzati. Liema hi l-iktar waħda li int komda tipparteċipa fiha?

Jogħġbuni l-isfidi fuq distanzi twal fil-miftuħ, prinċipalment.

Kellimni fuq il-kowċ li titħarreġ miegħu, u kemm dan jgħinek fil-karriera tiegħek fl-għawm.

Nitħarreġ ma’ Neil Aguis, li ispirani biex nipprova l-għawm fuq distanzi twal. Huwa tana programm dwar kif għandna nindirizzaw dan l-avveniment. Madankollu, ġejt mgħejjuna wkoll b’mod sinjifikanti minn atleta u kowċ ieħor ħabib tiegħi, Fabio Spiteri, li għandu esperjenza kbira fl-‘ultra distance’. Għumejna flimkien f’ħafna sessjonijiet ta’ taħriġ fuq distanza twila u ħejjewni għall-isfidi mentali li kelli niffaċċja matul din l-għawma ‘ultra distance’.

X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa, hekk kif nafu li qabel kont tipprattika wkoll it-triathlon?

Minbarra t-triathlon tal-Bahrain li semmejt iktar qabel fejn ikllassifikajt fit-tielet post, irbaħt Triathlon li saret f’Malta, l-Ocean Lava 113k, lura fl-2019.
Jien għomejt ukoll Malta-Gozo-Malta darbtejn fl-2019 u fl-2021, li hija distanza ta’ 12-il kilometru, fejn ksibt it-tieni post fit-tnejn li huma. Ħadt sehem ukoll f’distanzi iqsar tal-għawm matul is-snin u distanzi tat-triathlon.

Kif jirnexxielek tlaħħaq bejn ix-xogħol personali tiegħek u l-għawm?

Nitħarreġ l-ewwel ħaġa filgħodu fis-6am qabel ix-xogħol.

X’inhuma s-sagrifiċċji illi tagħmel biex tirnexxi personalment?

Din l-isfida kienet teħtieġ ħafna dedikazzjoni biex issir id-distanza tul il-perjodu ta’ taħriġ, fosthom ħafna sigħat ngħum fil-baħar waħdi. Is-sigħat tal-għawm jum wara jum meta tkun għajjiena mentalment u fiżikament jirrikjedu ħafna determinazzjoni u saħħa mentali.

Kemm jgħinek l-għawm fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?

Li nibda l-ġurnata tiegħi b’għawma jgħinni nkompli l-ġurnata b’mod tajjeb, u nibqa’ kalma u ffukata.

Kif qed tarah il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Nixtieq nieħu aktar sfidi fuq distanzi twal.

Għaddi messaġġ finali lil min likek jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-għawm.

Ippersevera dejjem u f’kulma tagħmel, taqtax qalbek, u kull sfida fil-ħajja tgħaddi!

Sport