Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-lotta?
Meta kont żgħir ma kontx xi sportiv kbir u lanqas il figura tiegħi ma kienet tgħin ħafna. Kont provajt l-għawm u l-futbol, imma mhux b’suċċess. Imbagħad darba kellna sessjoni ta’ taħriġ tal-futbol li tħassret u xi ħbieb tiegħi stednuni immur nara kompetizzjoni tal-Lotta. Minn dakinhar ma ħaristx lura. Bdejt immur taħriġ regolari. Ħadtu b’serjeta’ kbira, beda nieżel il-piż u l-figura tiegħi irranġat ħafna. Ovvjament il-kunfidenza fija nnifsi bdiet tiżdied u bdejt inħossni tajjeb. Insomma fi ftit kliem, il-Lotta bidlitli ħajti. Llum, avolja qed nikber, nipprova mmur training regolari kemm ghalija nnifsi kif ukoll biex ngħin il-lottaturi l-oħra li jikkompetu f’isem Malti.
F’dawn is-snin kollha kelli x-xorti nirrapreżenta lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet barra minn Malta u ta’ livell għoli, bħal Commonwealth Games, Mediterranean Games u World Championships. Nista ngħid ukoll li ksibt riżultati sodisfaċenti u llum naħdem fil-Federazzjoni bħala Segretarju u anke fuq it-tapit bħala Assisant coach u anke Referee Internazzjonali.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-esperjenza unika li kellek fil-jiem li għaddew f’Budapest, fl-Ungerija?
Kienet tassew esperjenza indimentikabbli għalija! Il-livell kemm tal-lottaturi kif ukoll tal-organizzazzjoni kienet waħda li qatt ma rajt bħalha. Il-lottaturi kienu ġejjin minn madwar id-dinja kollha, fosthom mill-Istati Uniti, pajjiżi Russi, Iran, Korea, Indja u l-Ewropa kollha. Insomma l-krema tal-lotta fid-dinja!
Dawn kollha qed jippreparaw għall-Kampjonati tad-Dinja li se jsiru f’Settembru li ġej. Ħag’oħra hi n-numru ta’ finali li kont involut fihom. Ma stennejtx li kont se ningħata dan ir-rwol, speċjalment fl-aħħar ġurnata fejn kont involut f’ħames finali minn sebgħa – tlieta minnhom bħala referee, filwaqt li l-oħrajn bħala ‘judge’. Dan kollu jfisser il-fiducja li kellhom fija dawk inkarigati mill-United World Wrestling.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala referee internazzjonali ta’ dan l-isport.
Ir-rwol ta’ Referee Internazzjonali llum bidilli r-rwol fil-Lotta minn wieħed kompetittiv għal wieħed amministrattiv. Waħda mir-Regoli tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Lotta (United World Wrestling- UWW) hija li tipprovdi referee Internazzjonali kull meta tikkompeti b’tim f’kompetizzjonijiet Internazzjonali. Iżda jien inħossu wkoll mod ieħor kif nirrapreżenta lil Malta. Xi kultant inkun qed nirrefja f’postijiet fejn ikolli nispjega fejn hu pajjiżna u jibqgħu mistgħaġbin li Malta għandha referee ta’ dan il-livell. B’hekk nakkumpanja lil lottaturi Maltin kemm bħala Referee kif ukoll bħala Uffiċjal. Minn naħa l-oħra għandi dover li nżomm il-lottaturi Maltin up to date fuq kull ma jkun qed jiġri kemm rigward tibdil ta’regoli kif ukoll kompetizzjonijiet. Dan nagħmlu ukoll billi nattendi regolarment it-taħriġ tat-tim nazzjonali.
Kif tqis il-livell tal-lotta f’pajjiżna fil-preżent?
Meta tqabbel ma’ sport ieħor f’Malta naħseb li għandna livell tajjeb. Fuq livell Internazzjonali għadna l-bogħod ħafna iżda minn naħa l-oħra ngħamlu mirakli bir-riżorsi limitati li għandna u jirnexxielna niksbu riżultati li pajjiżi ikbar minna ma jirnexxielhomx. Ovvjament qatt ma hu biżżejjed u bħala waħda mill-iżgħar federazzjonijiet sportivi kemm ġewwa Malta kif ukoll barra, jirnexxielna ngħamlu biċċa xogħol tajba. L-għan jibqa dak li nghamlu isem tajjeb lil pajjiżna, inkabbru l-popolarita’ ta’dan l-isport, inħajjru iktar żgħażagħ jipparteċipaw biex fl-aħħar mill-aħħar inkomplu nikkompetu u nakkwistaw riżultati aħjar milli għamilna s’issa.
U dak tar-riżorsi fejn isiru l-kompetizzjonijiet?
It-taħriġ isir ġewwa skola Sekondarja tan-Naxxar. Illum il-post qed isir żgħir wisq minħabba n-numru ta’ lottaturi li bil-mod il-mod qed dejjem jikber. Bħala Kompetizzjonijiet, speċjalment wara li issa erġajna qed norganizzaw it-Tournament Internazzjonali ta’ Malta, dan ikollna norganizzawh f’post ikbar. Grazzi għall-ghajnuna minghand Sportmalta u l-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) dan organizzajnih fil Kumpless tal-Marsa u kien veru suċċess. Idealment li kieku jkollna l-post tagħna għax bħalissa qeghdin fi skola u l-post filgħodu jintuża mill-istudenti. Is-sitwazzjoni tista tkun aħjar, imma kollox ma kollox, qegħdin ninqdew.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala referee f’dan l-isport?
Ir-Refereeing jagħtini sodisfazzjon kbir. Kien mod kif nibqa’ f’kuntatt mat-tapit u mal-kompetizzjonijiet u nħoss li huwa anke servizz għax mingħajr uffiċjali, kompetizzjonijiet ma jsirux. Fil-karriera tiegħi diga kelli x-xorti nirrefja fil-Commonwealth Games 2018 ġewwa l-Awstralja u fl-U23 World Championships li saru ġewwa l-Albania s-sena l-oħra. Bħalissa għaddej minn proċess ta’ korsijiet u eżamijiet u jekk jirnexxieli inkun ilħaqt l-ogħla livell bħala Referee u b’hekk inkun nista nintgħażel biex nirrefja fl-Olimpjadi. Il-mira huma l-Olimpjadi f’Los Angeles 2028 jew Brisbane. Sadanittant nibqa’ nirrefja f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-United World Wrestling.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq isir referee tal-lotta.
Nammetti li tkun referee mhuwiex biċċa xogħol faċli speċjalment meta l-kompetituri ikunu qed jitqatlu għal unuri kbar. Iżda min-naħa l-oħra dan jagħtik sodisfazzjon kbir, tiltaqa ma ħafna nies, iżżur ħafna pajjiżi u tagħmel esperjenzi ġodda. Jekk fil-fond ta’ qalbek tkun taf li kont imparzjali u li ħadt l-aħjar deċiżjoni f’dak il-mument, allura xogħolok ser ikun apprezzat u ser tkun stmat kull fejn tmur!