Friday, September 5, 2025

Kienu jispiċċaw bla ikel biex ikollhom flus x’jagħtu lil binhom għad-droga

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena tressaq fil-Qorti wara li allegatament qagħad jitlob il-flus mingħand il-ġenituri biex isostni l-vizzju tad-droga li għandu, b’xi kultant l-allegati vittmi jispiċċaw mingħajr ikel biex ikollhom flus x’jagħtu lil binhom. 

L-imputat wieġeb mhux ħati li uża vjolenza morali u psikoloġika biex iġiegħel lill-ġenituri tiegħu, li għandhom 75 sena, jagħtuh il-flus. Fil-Qorti nstema’ kif il-ġenituri tiegħu kienu għamlu rapport mal-pulizija l-Ħamis li għadda. 

L-allegati vittmi qalu li binhom allegatament kien ilu jieħu d-drogi għal dawn l-aħħar 15-il sena. Żiedu jgħidu li l-imputat, li jaħdem fil-kostruzzjoni, kien jitlobhom il-flus kuljum u f’xi okkażjonijiet kien ikun aggressiv fil-konfront tagħhom. 

Missier l-imputat kien qal lill-pulizija li ma kinitx l-ewwel darba li ibnu kien jitolbu l-flus f’nofs ta’ lejl u huwa kien ikollu jmur jiġbed l-flus. Il-ġenituri tiegħu qalu wkoll lill-pulizija li xi kultant kienu jispiċċaw bla ikel u jidħlu fi djun mal-ħwienet tal-merċa peress li kienu jagħtu flus lill-imputat.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li kkaġuna lill-ġenituri tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontrihom u li tahom fastidju. Huwa kien mixli wkoll li kien riċediv.

L-Avukatt tal-Għajnuna Legali Yanika Bugeja qalet fil-Qorti li ma setgħetx titlob għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat hekk kif m’għandux indirizz alternattiv. Hija qalet li s-sitwazzjoni tiegħu tista’ tmur għall-agħar peress li qed jirriskja li jitlef l-impjieg tiegħu. 

Id-Difiża qalet ukoll li r-raġel għadu kif temm programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Ir-raġel kien spjega li wara nuqqas ta’ qbil mal-ġenituri, huwa reġa’ beda jieħu d-droga. L-avukat tal-għajnuna legali Yanika Bugeja qalet lill-qorti li ma setgħetx titlob il-ħelsien mill-arrest peress li ma kellux indirizz alternattiv.

L-imputat imbagħad spjega li talab lill-ġenituri tiegħu biex joqogħdu fi proprjetà oħra li għandhom f’Ħaż-Żabbar, iżda missieru nsista li jibqgħu f’Bormla. Minn dakinhar huwa reġa’ qabad il-vizzju.

Ir-raġel baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-ġenituri tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport